Lokali
ARA: L-iskeda l-ġdida ta’ TVM u TVMnews+

L-istazzjon nazzjonali nieda l-identità ġdida waqt il-bulettin tal-aħbarijiet tat-8. Minn għada filgħodu jkompli b’numru ta’ tibdiliet, bil-ftuħ tal-istazzjon il-ġdid TVMnews+, li se jibda jxandar mis-7 ta’ filgħodu u jibqa’ għaddej bit-trażmissjonijiet sal-11.30 ta’ filgħaxija.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat saret ħidma biex jinbidlu l-istudjos ta’ diversi programmi, jingles, grafika, u bosta affarjiet oħrajn, biex jirriflettu l-identità ġdida tal-istazzjon nazzjonali. Fix-xhur li ġejjin se taraw bosta preżentaturi ġodda u oħrajn stabbiliti, li minn għada se jkunu qed iwasslu diversi programmi matul il-ġurnata kollha fuq TVM u TVMnews+.

Wara l-aħbarijiet tat-8 ta’ filgħaxija, li minn għada se jixxandru fl-istess ħin fuq TVM u TVMnews+, l-istazzjon nazzjonali se joffri għażla ta’ programmi fuq iż-żewġ stazzjonijiet, kemm ta’ divertiment kif ukoll ta’ ġrajjiet kurrenti. Dawn il-programmi kollha se jibqgħu jiġu segwiti kemm dirett jew on-demand fuq tvm.com.mt.

Għaldaqstant, se nagħtukom togħma ta’ x’tistgħu taraw minn għada.

Talenti ġodda u wċuħ magħrufa. Programmi stabbiliti, produzzjonijiet ġodda u oħrajn sperimentali.

Forsi l-akbar esperiment u l-akbar sfida li dieħel għaliha l-Public Broadcasting Services hija t-twaqqif ta’ stazzjon ibbażat kollu kemm hu fuq il-ġurnaliżmu u l-ġrajjiet kurrenti.

TVM News Plus se jxandar sebat’ijiem fil-ġimgħa b’ħafna produzzjonijiet diretti – minn kmieni filgħodu sa tard bil-lejl – biex il-pubbliku Malti jinżamm aġġornat b’dak li jkun għaddej madwarna.

Jibda b'”TVAM” minn qabel is-sebgħa ta’ filgħodu – mit-Tnejn sal-Ġimgħa – b’diskussjonijiet dwar temi attwali u intervisti topiċi. Il-Ħadd – “Ħadt l-Aħbar” – li din is-sena mhux se jkun fih gazzetti biss.

“L-aħbarijiet” kuljum kull siegħa, b’intervisti u b’analiżi fid-dettall, bil-bulettin tat-tmienja jibqa’ l-aktar fdat u l-aktar segwit f’Malta.

Ġurnalisti mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS ikomplu jimmoderaw diskussjonijiet mis-6.30pm ‘il quddiem. Jirritornaw darba fil-ġimgħa iżda f’ħin differenti… “Realtà” u “Insights”.

“Kuxjenza” li jitfa’ dawl dwar temi kurrenti soċjali bil-għan li jinforma u jeduka. “Carter jirrapporta” serje ta’ dokumentarji dwar temi lokali u internazzjonali. “Resume'” darba fil-ġimgħa b’ħarsa dettaljata lejn l-aħbarijiet ta’ barra.

Sforzi ġodda bi sħab ma’ djar tal-produzzjoni oħra – “Topik” darbtejn fil-ġimgħa… l-Erbgħa u l-Ġimgħa. U “Mill-Kamra” jiftaħ tieqa fuq ħidmet il-Parlamentari Maltin. Xtra jsib spazju t-Tnejn filgħaxija prime-time.

L-isport se jkompli jiżdiedlu l-ħin, b’mod partikolari is-Sibt u l-Ħadd waqt il-kompetizzjonijiet u l-logħob, permezz ta’ Sport Live+ mis-siegħa ta’ wara nofsinhar sal-aħbarijiet tat-tmienja.

Kuljum ukoll programm jew tnejn, jekk mhux tlieta, dwar dixxiplini sportivi differenti. Jirritorna Sports Panorama iżda wkoll Knots, Tiġrijiet Biss, Ruggers, 3-Pointer, GFA Roundup, MotorsMT u enfasi fuq ic-Champions League u l-Euroepa League.

L-istazzjon TVM ukoll se iftaħ bi programm “Ta’ Filgħodu” – għal dawk li jridu bidu tal-ġurnata differenti u mingħajr aħbarijiet. Il-programmi magazin ikomplu matul il-ġurnata.

“Għaddi s’Hawn” sa nofsinhar. “Niskata” sas-sagħtejn u nofs. U “Illum ma’ Steph” sas-sitta.

Popolari mal-udjenzi Maltin id-Drama. It-tielet staġun ta’ Sorelle jixxandar waranofsinhar. Imbagħad it-Tnejn filgħaxija Noli filwaqt li t-Tlieta jkompli Nostalġija.

Mill-Ħamis ikomplu programmi ta’ interess ġenerali bħal “Għad-Dell ta’ San Pietru” u l-Ġimgħa….. “Mustaċċuni” programmi ieħor tant mistenni fl-istil inimitabbli kif offra Television Malta fl-iskeda li għaddiet.

Is-Sibt – “SIBTEK” – u l-Ħadd – kulħadd jara l-“X Factor” u “Uejja” ma’ Angie Laus.

Lura wkoll fuq TVM wara nuqqas ta’ għaxar snin Carlo Borg Bonaci bil-quiz show ta’ kuljum Moħħok Hemm.

Ma jonqsux programmi stabbiliti dwar niċeċ ta’ interess għas-soċjetà Maltija – il-propjetà, il-baħar, il-kultura u l-arti, dokumentarji, storja, l-annimali, il-moda, l-ikel, il-films u t-teknoloġija.

U din is-sena jiżdiedu l-programmi Maltin għat-tfal bħal “Avaru” li hu maħsub biex jilħaq lil kulħadd.

336 siegħa ta’ pprogrammar… 24 siegħa kuljum, sebat’ijiem fil-ġimgħa… produzzjonijiet li jistgħu jiġu segwiti anki on-line.

TVM u TVM News plus. Żewġ stazzjonijiet. Żewġ skedi. Għan wieħed.