Lokali
Ara: “L-iskejjel tal-isnajja’ għandhom ikunu għal kulħadd”

Id-Deputat tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, Michelle Attard qalet li l-istudenti kollha għandhom jagħmlu xogħol bl-idejn bħala parti mill-formazzjoni akkademika tagħhom bħalma ilu jsir fost l-oħrajn f’pajjiżi Skandinavi.

Hija qalet dan dalgħodu f’intervista fuq il-programm TVAM fuq TVMNEWS+ li tratta l-proposta li saret mill-Kamra tal-Kummerċ biex l-edukazzjoni titla’ minn 16-il sena għal 18-il sena.

Dr Attard qalet li s-suġġetti vokazzjonali għandhom ikunu għal kulħadd għax fi kliemha s-snajja’ jgħinu lill-istudent jiżviluppa l-ħsieb tiegħu. Żiedet, li minflok, qed inġiegħlu lill-istudenti jagħżlu wisq kmieni x’iridu jagħmlu fil-ħajja. Qalet, li b’għażla ta’ ċerti suġġetti ta’ 16-il sena student ikun limitat fl-edukazzjoni li ħa jkollu wara s-sekondarja.

Fabianne Ruggier, f’isem il-Kamra tal-Kummerċ, ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-MCAST qed jitlef l-istudenti. Irrimarkat ukoll, li kulma jmur l-istudenti li jirreġistraw għas-sixth form qed jonqsu.