Edukazzjoni
ARA: L-iskola f’Malta li qed tipproduċi stilel fl-isport

Shaun Dimech huwa żgħażugħ ta’ dsatax-il sena u wieħed mill-iktar atleti Maltin promettenti bħalissa. Huwa studja fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u f’età daqstant żgħażugħa diġà naqqax ismu mat-tim Nazzjonali Malti tal-futbol tal-kbar, kif ukoll huwa pedina importanti għat-tim tal-futbol tal-Belt.

Dimech spjega ma’ TVM kif minkejja li issa ilu erba’ snin li lesta l-istudji tiegħu, l-Iskola tal-Isport tatu l-formazzjoni li għandu bżonn, kemm fejn tidħol akkademja, kif ukoll mill-aspett ta’ fiżika, sabiex ikun jista’ jilħaq il-livell mixtieq.

“Nemmen li kieku mort skola oħra ma kontx nirnexxi kif għamilt fl-iskola tal-Isports. L-iskola għenitni ħafna, mhux biss mill-aspett akkademiku imma speċjalment mill-aspett sportiv, għenitni nimmatura fil-pitch u barra l-pitch, provditilna coaches u għalliema professjonali ħafna u t-training dejjem kien ikun tajjeb.”

Francesca Clark bħalissa qed tattendi f’ din l-iskola u qaltilna li bil-mod kif inhu mqassam il-kurrikulu, għandha ċans tipprattika l-isport favorit tagħha l-Badminton. Hija wkoll champion lokali tal-badminton f’Malta.

“Jekk ikolli l-eżamijiet ġejjin nista’ nara li nnaqqas session u ndaħħalha ximkien ieħor u minflok nistudja, fil-verità ma nkunx qed nitlef għax inkun qed nagħmel xi ħaġa tal-iskola wkoll. Il-ġimgħa li għaddiet kellna n-National Championships u rbaħt is-singles tan-nisa, id-doubles tan-nisa u d-doubles mixed ukoll. Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna professjonali li nirċievi minn hawn.”

Il-Kap tal-Iskola, Robert Magro, spjega li l-iskola, tara li l-istudenti jitgħallmu taħlita ta’ akkademja u sport. Għandha l-mira li tipproduċi l-aqwa atleti biex pajjiżna jipprometti anke fl-isport.

“L-għan tal-iskola huwa li nkomplu ngħinu lill-Malta tasal fl-aqwa livelli. Fil-fatt issa li s-sena d-dieħla l-iskola tagħlaq 10 snin miftuħa naħseb bdejna nħossu l-effett u l-frott tagħha. L-istudenti jagħmlu l-akkademja bħal kull skola oħra, iġifieri Maths, Malti, Ingliż, pero barra minn hekk aħna niffukaw ukoll fuq l-isports. Fil-fatt hawnhekk aħna noffru 19-il dixxiplina differenti.”

L-Iskola tal-Isport ilha ftit iktar minn 6 snin f’Pembroke fejn bħalissa jattendu 250 student ta’ etajiet bejn il-11 u s-16-il sena. S’issa erba’ gruppi diġà lestew l-istudji tagħhom fl-iskola, b’uħud minnhom qed ikomplu bil-karriera sportiva tagħhom b’mod professjonali f’Malta, fl-Ingilterra, fl-Italja, u anke fl-Awstralja.

L-applikazzjonijiet għall-istudenti prospettivi se jibdew jinbtlaqgħu mill-1 ta’ Marzu sas-26 ta’ Marzu, u jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit nss.skola.edu.mt.