Enerġija
Il-Gvern u l-Enemalta b’ħidma dwar il-possibbiltà ta’ interconnector ieħor

Waqt li l-Gvern u l-Enemalta qed jikkunsidraw it-triq ‘il quddiem biex iżidu l-provvista tal-elettriku f’Malta, fosthom il-possibbiltà ta’ interconnector ieħor, fl-aħħar ġimgħat ħaddiema tal-Enemalta kienu f’Ragusa fi Sqallija, fejn għamlu manutenzjoni fuq apparat li jintuża għat-trażmissjoni tal-enerġija mill-grid Ewropew lejn Malta.

Minn Ragusa segwejna l-proċess ta’ manutenzjoni u t-tħejjijiet li saru għall-possibilità tat-tieni interconnector.

Inġiniera u tekniċi tal-Enemalta regolarment jitilgħu fl-istazzjon f’Ragusa biex jagħmlu spezzjonijiet u manutenzjoni fuq it-tagħmir, biex jiġi assigurat li l-provvista tal-elettriku permezz tal-interconnector tkun sigura. Fl-aħħar sitt snin dan l-istazzjon ta’ Ragusa pprovda provvista tal-elettriku regolari għal Malta u Għawdex.

Waqt żjara li Television Malta għamel fl-istazzjon tal-Enemalta fi Sqallija, l-Inġinier Rodney Bonello qal li fl-aħħar ġimgħa saret manutenzjoni, prinċipalment fuq żewġ reatturi li jiswew mas-€6 miljun biex jiġi assigurat li jinżammu fl-aqwa kundizzjoni.

“Matul din il-ġimgħa qegħdin nagħmlu manutenzjoni fuq ir-reactors ħabba s-sadid biex naraw li nżommuhom f’forma tajba. Imbagħad kull xahrejn nagħmlu testijiet fuq is-sistema ta’ stand-by tagħna, bħala generator, batteriji, biex naraw li l-impjant inżommuh fl-aħjar mod possibbli biex il-provvista tal-elettriku tkun tajba minn hawnhekk.”

Teknikament l-interconnector għandu bżonn reattur wieħed, u l-ieħor li sar sitt snin ilu meta nfetaħ l-istazzjon, jintuża kemm biex iservi fuq bażi ta’ stand-by, kif ukoll f’każ li jsir it-tieni interconnector.

F’każ li jiġi deċiż li t-tieni interconnector lejn Malta isir minn Sqallija, fl-impjant tal-Enemalta f’Ragusa saru diversi xogħlijiet biex dan l-interconnector ikun jista’ jingħadda minn hawnhekk.

Dwar din l-idea tkellimna mal-inġinier Dr Joseph Vassallo li kien involut fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-proġett tal-interconnector u llum imexxi s-sezzjoni li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-interconnector.

“Meta l-interconnector kien maħsub fil-passat kienu diġà saru ħsibijiet għat-tieni interconnector ukoll. Fil-fatt hawn diġà xi xogħlijiet li kienu saru, pedamenti għall-apparat, hawn l-ispazju għall-apparat u nxtara wkoll it-tieni shunt reactor li jista’ jintuża mat-tieni interconnector, u fil-control room għandna diġà spazju għal apparat ta’ kontroll u protezzjoni għat-tieni impjant, u l-control system diġà hija maħsuba għat-tieni interkonnessjoni wkoll.”

Dr Vassallo spjega kif filwaqt li r-rotta tat-tieni interconnector taf tkun simili għal dik tal-ewwel wieħed, bħala prekawzjoni tinżamm distanza li tlaħħaq l-10 kilometri bejn iż-żewġ cables. Dan biex jiġi evitat li ssir ħsara fuq iż-żewġ cables f’salt, kif ġara fuq l-interconnector fl-inċident tas-sena li għaddiet.

Żied jgħid li l-użu tal-infrastruttura eżistenti, minbarra li tnaqqas l-ispejjeż, tiffaċilità l-proċess tal-applikazzjoni għat-tieni interconnector.