Reliġjon
Ara l-istorja tat-tifla li ma kienet tiekol u tixrob xejn ħlief ilma mbierek u Ewkaristija

Francesca Tereża Parlar twieldet il-Belt Valletta fl-24 ta’ Novembru tal-1842 u tgħammdet fil-Parroċċa Dumnikana ta’ Sidtna Marija ta’ Porto Salvo u San Duminku fil-Belt. Ta’ tmien snin hi ħasset xewqa qawwija li tagħmel l-ewwel tqarbina u wara li raw din ix-xewqa kbira, ġie deċiż li jikkuntentawha. Minn dakinhar ‘il quddiem ma kinitx tiekol u tixrob ħlief l-Ewkaristija u ilma mbierek.

Fi tfulitha missierha kellu negozju bi tliet bastimenti li iżda għerqulu u telqu minn Malta għal Kostantinopli u missierha fetaħ ħanut tad-drappijiet li falla wara ftit. Iżda qabel ma reġgħu ġew lura Malta, Francesca Tereża Parlar iltaqgħet ma’ missjunarju Malti Dumnikan, Patri Anton Calafato li kien il-konfessur tagħha. Meta ġew lura Malta, marru jgħixu għand familja Ebejer fi Triq il-Ponta l-Isla.

Il-pirjol tal-Knisja Duminkana tal-Lunzjata l-Birgu, Patri Aaron Zahra, qal li ta’ erbgħin sena, Francesca Tereża Parlar daħlet Terzjarja Dumnikana fost diversi esperjenzi mistiċi u viżjonijiet.

“Jingħad li kienet torqod mal-art u maqtugħa kompletament mill-ħajja soċjali. Filfatt kemm-il darba ġiet imħajjra biex tidħol f’xi kunvent bħala soru imma dejjem baqgħet tinsisti li trid tgħix għaliha weħidha f’ħajja ta’ talb u sagrifiċċji…. Meta laħaq l-Isqof Pietru Pace bħala ragħaj tad-djoċesi wera interess mall-ewwel fil-ħajja ta’ Francesca Tereża Parlar u kienet twaqqfet Kummissjoni biex tinvestiga l-fenomenu li bdew isiur fil-ħajja tagħha għax jingħad ukoll li kellha l-pjagi f’idejha u kienet taħbihom bil-faxex u kienet tgħid li għandha idejha juġawha.”

Din il-Kummissjoni iddeċidiet li tibgħat lil Francesca Tereża Parlar Ta’ Saura r-Rabat minħabba li kien hemm min ħaseb li kellha mard mentali. Wara sitt xhur intbagħtet l-Imgieret fejn hemmhekk spiċċat iddur bil-lebbrużi. Hi ġarrbet dawn it-tbatijiet b’sabar u mħabba kbira. Ma kien hemm l-ebda evidenza ppruvata li nġiebet kontriha u wara dan reġgħet lura lejn darha fi Triq il-Ponta l-Isla. Patri Aaron Zahra qalilna li kellha żewġ profeziji li seħħew.

“Qalet biex se jmut u l-ġurnata tal-mewt tal-konfessur tagħha, li kienu minnhom, u kellha profezija minnhom li d-dar fejn għexet se taqa’ u ma terġax tinbena u għadha hekk sal-ġurnata ta’ llum.”

Francesca Tereża Parlar mietet fit-12 ta’ Frar tal-1927 b’fama kbira ta’ qdusija. Kienet midfuna f’qabar għaliha fil-Kappella tal-Addolorata tal-Patrijiet Dumnikani fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Ftit jiem ilu, fit-13 ta’ Frar li għadda, f’għeluq il-139 sena minn meta saret Terzjarja Dumnikana u fis-sena Ġubilari għall-Ordni Duminkan, il-fdalijiet ta’ Francesca Tereża Parlar ġew midfuna fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata l-Birgu.

Il-Pirjol tal-Birgu qal li l-Knisja għandha l-proċessi tagħha iżda x-xewqa tal-Ordni hi li tinfetaħ il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha. Semma kif wara 49 sena minn mewtha, id-devozzjoni tagħha għadha ħajja tant li fil-kappella fejn kienet midfuna dejjem kien ikun hemm fjuri u xemgħat.