Storja
ARA: L-istorja u l-ġrajjiet ta’ Malta mil-lenti tal-fotografu Guido Stilon

Kollezzjoni ta’ ritratti, negattivi u slides tal-fotografu Guido Stilon għaddiet għand l-Arkivji Nazzjonali. Ir-ritratti ta’ Stilon juru kif kienet il-ħajja f’Malta matul il-ħamsinijiet u s-sittinijiet.

Il-fotografu Guido Stilon twieled fl-1932 u fis-snin ħamsin u sittin, permezz tal-fotografija tiegħu, kien juri xeni urbani, rurali, industrijali, diversi toroq Maltin u kien jagħti idea tal-ħajja f’Malta permezz ta’ ritratti tal-ħbieb u tal-qraba. L-armla ta’ Guido Stilon, Grace Cilia Vincenti, għaddiet kollezzjoni ta’ dawn ir-ritratti lill-Arkivji Nazzjonali r-Rabat.

Din il-kollezzjoni tinkludi madwar 6,000 negattiva u ‘l fuq minn 5,300 slide bil-kulur. Dawn huma ritratti li juru l-bidliet soċjali, ekonomiċi u politiċi ta’ Malta li kienet ħarġet mit-trawma tal-gwerra u li kienet qed tipprova ssib saqajha f’dinja ġdida.

L-arkivista nazzjonali, Dr Charles Farrugia qal ”din il-kollezzjoni hija importanti ħafna għaliex hija kollezzjoni li mhux qed tiġġenera ruħha mis-sistemi tal-Gvern. Dawn mhumiex ritratti uffiċjali, mhumiex ritratti meħudin ta’ attivitajiet uffiċjali imma huma ritratti ta’ kif Guido Stilon kien qed jara l-ħajja madwaru tevolvi. L-iktar żviluppi importanti li kienu qed jiġru f’Malta, eżempju l-bidla ta’ bieb il-belt, il-bini mill-ġdid tal-Qorti, dawn huma dokumentati minn għajnejn dan il-fotografu.”

Dr Farrugia qal li din il-kollezzjoni hi kontribut ewlieni fl-isforzi tal-Arkivji Nazzjonali biex jiġu preżervati dawn ir-ritratti u b’hekk il-memorja nazzjonali tkun aċċessibbli għal kulħadd. Kritiċi fil-qasam tal-fotografija jgħidu li Stilon ma kienx iħobb jippromovi lilu nnifsu tant li ħadd qatt ma inkludieh f’xi elenku ta’ fotografi Maltin minkejja li kien magħruf barra minn xtutna tant li rebaħ midalji f’kompetizzjonijiet perstiġġjużi fi New York għax-xogħlijiet tiegħu.