Kronaka
ARA: L-iżviluppi fil-każi ta’ Caruana Galizia u Chircop jistgħu jsolvu omiċidji oħra?

Il-Professur tal-kriminoloġija, Saviour Formosa, esprima t-tama li l-iżviluppi tal-bieraħ fil-każijiet ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u Carmel Chircop, jistgħu jwasslu biex jiġu solvuti każi oħra ta’ qtil li saru fl-aħħar snin.

Qal li għal snin twal kien hemm xejra ta’ omiċidji, speċjalment dawk permezz ta’ bombi, li huma riflessjoni tal-mod kif joperaw il-gruppi kriminali, fejn jingħaqdu u jduru kontra xulxin kull tant żmien.

Huwa esprima l-fehma li wasal iż-żmien li kull min għandu tagħrif dwar każijiet antiki li għadhom mhux solvuti, jersaq ‘il quddiem ħalli dawn ukoll ikunu jistgħu jingħalqu.

Waqt li kien intervistat fuq TVAM, Prof Formosa spjega xi proċeduri hemm involuti biex suspettat akkużat bi qtil ikun jista’ jitressaq il-Qorti.

Huwa sostna li l-Pulizija ma torqodx fuq il-każi, iżda l-informazzjoni tibqa’ tinġabar sakemm ikun hemm biżżejjed evidenza biex is-suspettati jkunu jistgħu jitressqu l-Qorti. Qal li dan il-proċess kultant jieħu snin twal, jew sakemm ikun hemm xi żvolta fil-każ, bħal ma ġara bl-ammissjoni ta’ Vince Muscat.

Segwi hawn l-intervista sħiħa mal-Prof Formosa: