Budget2022
Ara l-miżuri ewlenin fis-settur edukattiv u tan-negozju

Tul id-diskors tal-baġit tħabbru wkoll għadd ta’ miżuri b’rabta mas-settur edukattiv f’pajjiżna bil-Ministru Caruana jgħid li pajjiżna ma jistax jaċċetta li l-istudenti jagħmlu 13-il sena fl-edukazzjoni obbligatorja iżda joħorġu mis-sistema mingħajr il-ħiliet neċessarji.

Biex jgħin lin-negozji, il-Ministru Caruana spjega kif se jkun hemm bosta inċentivi biex isostnu lill-qasam imprenditorjali, u semma t-twaqqif ta’ Blue Med Hub biex jiġi attirat negozju marittimu lejn pajjiżna.

Fost il-miżuri li ħabbar b’rabta mal-edukazzjoni, il-Ministru Caruana qal kif l-istipendji tal-istudenti kollha se jiżdiedu b’10% waqt li l-istudenti se jibqgħu jieħdu stipendju anke jekk jaħdmu sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa.

L-edukaturi se jkollhom l-istatus tagħhom imsaħħaħ matul is-sena d-dieħla bl-introduzzjoni ta’ liġi ġdida u li mistennija tirregola s-settur u l-irwoli edukattivi kollha, inkluż lill-Kinder Garden Assistants u Learning Support Assistants.

L-eżamijiet tas-SEC se jsiru fl-istess skola li jkunu jattendu l-istudenti.

Il-Ministru Caruana qal li qed isir investiment ukoll sabiex aktar skejjel ikollhom Autisim Units, magni tal-Braille biex jissaħħaħ it-tagħlim għal persuni neqsin mid-dawl u se jiżdied ukoll it-tagħlim fil-lingwi tas-sinjali.

Studenti b’diżabilità se jkunu qed jiġu assistiti anke wara l-edukazzjoni post sekondarja.

Intqal li se jkunu qed jiġu rinovati l-iskejjel ta’ Ħal Għaxaq, Ħal Qormi u l-Mellieħa u għadd ta’ skejjel f’Għawdex. Se jkompli wkoll il-bini ta’ skejjel ġodda fir-Rabat Għawdex u l-Imsida.

Bil-għan li jogħla l-livell tat-tagħlim fix-Xjenza, t-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika se jibda programm ta’ immodernizzar u investiment ta’ apparat f’180 laboratorju tax-xjenza li jinsabu fl-iskejjel.

Dwar l-apprentistat se jsir investiment biex jiżdiedu n-numru ta’ studenti li jsibu placements ta’ apprentistat mas-settur privat.

Fejn jidħol negozju, il-Ministru Caruana qal li biex tittaffa ż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport internazzjonali se jkun estiż l-inċentiv tas-sussidju fuq il-kera fuq numru akbar ta’ negozji eleġibbli.

Iż-żoni industrijali se jkunu qed jibbenefikaw minn €470 miljun sabiex jiġu immodernizzati bl-investiment mistenni joħloq żoni ġodda mingħajr ma jieħu art barra ż-żona tal-iżvilupp.

Tħabbar ukoll it-twaqqif ta’ Blue Ed Hub biex jattira startups u intrapriżi żgħar u medji lokali u barranin.

Il-Ministru Caruana qal li b’effett minn Ġunju li ġej ir-rata ta’ mgħaxx fuq bilanċi tat-taxxa tad-dħul u tal-VAT se tkun ta’ 7.2% fis-sena bil-għan li titħares l-fiskalità morali f’pajjiżna.

In-negozji se jkunu wkoll inċentivati jinvestu sabiex anke jkomplu jirkupraw mid-daqqa li tathom il-pandemija.

Għalhekk se tiġi introdotta skema temporanja li tippermettilhom jieħdu l-benefiċċju minn capital allowances fuq investimenti li saru f’dawn l-intrapriżi milquta mill-pandemija, u jużawhom favur it-taxxa mid-dħul minn kumpaniji li baqgħu sostenibbli.