Lokali
Ara: Lejl u nhar ma’ kelba f’siġġu tar-roti biex jibqa’ jħaddanha miegħu

Soluzzjoni għal kelba li weġġgħet saqajha u ma tistax tħarrek tnejn minnhom biex xorta waħda tagħmel dak li tieħu tant pjaċir…dawra fit-toroq tal-Isla. Victor Zarb joħroġ il-kelba mid-dar minn tal-anqas sitt darbiet kuljum. Jista’ jagħmel hekk, iżda, għax xtralha siġġu tar-roti.

“Kulħadd iħobbha hawnhekk. Kull min jaraha kulħadd iħobbha għax hi kelba kwieta.”

Weezy hi pitbull imħallta. Twieldet fil-Milied u llum għandha aktar minn għaxar snin. Jieħu ħsiebha Victor Zarb, pensjonant ta’ 69 sena mill-Isla li magħna stqarr li mingħajrha ma joqgħodx. “Wara t-tfal u l-familja din l-aktar ħaġa għal qalbi li għandi.”

Is-Sur Zarb spjega li madwar sentejn ilu ħariġha filgħaxija u weġġgħet fit-triq. “Kien hemm it-triq maqlugħa għax kienu qed jagħmluha bit-tarmak dak iż-żmien. Telgħetli fuq ġebla, żelqet u nqalbet. Ħadtha d-dar għax lanqas felħet timxi!”

Qal, li Weezy weġġgħet saqajha tant li setgħet tkompli tiċċaqlaq biss permezz ta’ siġġu tar-roti. Hekk qed jirnexxilha tagħmel u b’dan il-mod qisha mhix hi. “Dratu ħa ngħid hekk tieħu pjeċir barra bih. Kuraġġuża eh! Dik fix-xita tiġbidni biex noħorġu barra wkoll.”

Lil Weezy, is-Sur Zarb ma jitlaqhiex minn taħt għajnejh. “Nieħu ħsiebha ħafna ħa ngħid hekk. 24 hours. Infaqtilha ħafna flus jiena. Għandha ikel apposta fix-xahar ħabba t-toilet biex tagħmel toilet għax trid tgħinna lilha minħabba l-pożizzjoni tagħha. Ikollha ħafna infections fil-bużżieqa tal-pipì…”

Jgħid, li għafsa ta’ qalb kbira għalih, meta xi ħadd jgħidlu li messu raqqadha. “Meta jikbru b’xi ħaġa jibdew jimirdu allura jrid ikollok dak iċ-ċans li tikkurahom mill-mard. Min jista’ jgħin jgħinhom imma hawn min jitlaqhom hux…jiddispjeċini. Jiena meta jgħiduli hekk għafsa ta’ qalb jgħiduli għalfejn ma traqqadhiex. Sakemm mhux muġugħa…hi mhux muġugħa.”