Lokali
Ara: Lest li terħi jdejk minn fuq l-isteering u tuża tal-linja b’xejn?

Minn bħal dan iż-żmien sena, is-servizz tat-trasport pubbliku ser ikun b’xejn għal kulħadd. Biex titwettaq din il-miżura, il-Gvern ivvota tmien miljuni u sitt mitt elf Ewro li jinkludi l-ħlas tan-noll għal min diġà qed igawdi minn tal-linja b’xejn.

Il-Maltin lesti jerħu ħdejhom minn fuq l-isteering? Dawk li jużaw tal-linja b’mod regolari kemm se jiffrankaw?

Mill-1 ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla; Maltin, Għawdxin u barranin residenti hawnhekk se jkunu jistgħu jużaw is-servizz tal-karozzi tal-linja mingħajr ħlas. Iħallsu biss it-turisti.

Il-miżura hi maħsuba biex tkun waħda mill-azzjonijiet li bihom jonqsu l-vetturi privati mit-toroq u għalhekk tonqos il-konġestjoni tat-traffiku. Iżda l-Maltin lesti li jħallu l-karozza tagħhom fil-garaxx jew ipparkjata wara l-bieb tad-dar?

Tal-linja diġà hi bla ħlas għal dawk kollha f’etajiet bejn l-14 u l-20 sena; dawk li qabżu din l-età u għadhom studenti f’kors full-time; anzjani li għalqu s-70 sena u l-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li jikkalkula li b’din il-miżura, ħaddiem li ta’ kuljum juża t-trasport pubbliku se jiffranka ‘l fuq minn €300.

Meta sena oħra tidħol fis-seħħ din il-miżura, Malta se tkun qed timxi fuq il-passi tal-Lussemburgu li sena u nofs ilu għamlet it-trasport pubbliku b’xejn.

Hemm imbagħad mill-anqas żewġt’ibliet oħra fl-Ewropa bi trasport pubbliku b’xejn għar-residenti: il-kapitali tal-Estonja – Talinn u l-belt ta’ Dunkirk fi Franza.