COVID-19
Ara: Letturi tal-ITS jispjegaw x’miżuri qed jittieħdu fir-ristoranti b’rabta mal-Covid-19

Fl-isfond tal-miżuri li qed jittieħdu fir-ristoranti mindu l-ħwienet tal-ikel reġgħu fetħu l-bibien tagħhom, fl-aħħar sigħat l-ITS ippubblika filmat bil-għan li l-istudenti tiegħu kif ukoll min bi ħsiebu jaħdem fil-qasam tal-ikel, is-sidien tar-ristoranti u l-pubbliku jsiru aktar midħla tal-għadd ta’ miżuri li fl-aħħar jiem tħabbru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Fost l-oħrajn, il-filmat ifakkar li fuq ġewwa l-imwejjed iridu jinżammu tliet metri bogħod minn xulxin u minn siġġu għal ieħor għandu jkun hemm distanza ta’ żewġ metri. Fuq in-naħa ta’ barra, id-distanza bejn l-imwejjed trid tkun ta’ żewġ metri u s-siġġijiet għandhom jitpoġġew metru bogħod minn xulxin. Biex tpejjep, trid tkun għaxar metri ‘l bogħod minn postok.

Fuq l-imwejjed, kemm barra u kemm ġewwa, ftit li xejn għandu jkun hemm affarijiet b’tali mod li tkun eħfef biex wieħed jiddiżinfetta kollox. Ebda menu m’għandu jitpoġġa fuq l-imwejjed. Minflok, qed jintużaw tip ta’ menus single-use jew dak li jkun jista’ jara x’sa jordna onlajn. Fejn jidħlu melħ, bżar, zokkor, sauces, ħall u żjut qed jintużaw kontenituri u boroż li tużahom darba u tarmihom bil-għan li jiġi evitat il-kuntatt. Anki meta tiġi biex tħallas, qed jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ contactless cards.

L-ordnijiet kollha għandhom jittieħdu mill-imwejjed. Ordnijiet minn mal-bar mhux permessi. Is-servizzi ta’ buffet daqstant ieħor mhux qed jiġu offruti.

Is-siġġijiet u l-imwejjed għandhom jiġu ddiżinfettati bejn klijent u ieħor. Klijenti, li jridu jiddiżinfettaw idejhom malli jidħlu kif ukoll hekk kif jiġu biex iħallu l-istabbiliment tal-ikel. L-impjegati għandhom jilbsu maskra jew viżiera, u l-platti u l-pożati għandhom jinħaslu b’temperatura ogħla minn 60 grad celsius.

Ġaladarba l-istabbiliment ikun segwa dawn il-proċeduri, tingħata ċertifikazzjoni biex titwaħħal mal-bieb tal-istabbiliment sabiex il-konsumatur iserraħ rasu li dak il-post huwa sigur.

Ir-ristoranti ta’ taħriġ tal-Istitut tal-Istudji tat-Turiżmu se jiftħu għall-pubbliku f’Settembru li ġej u għalhekk din l-informazzjoni tkun utli wkoll għall-istudenti meta r-ristoranti tat-taħriġ jkunu qed joperaw mill-ġdid.

https://www.facebook.com/ITSMalta/videos/2612268869027380/

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Kumpanija Gozo Channel Operations Limited fi stqarrija fakkret lill-pubbliku li l-ilbies tal-maskri huwa obbligatorju. L-ilbies tal-maskri baqa’ obbligatorju kemm fit-terminals kif ukoll fuq il-vapuri kollha.

Barranin

F’Melbourne, fl-Awstralja reġgħu imponew lockdown minħabba żieda fl-infezzjonijiet tal-coronavirus. Mal-ħames miljun persuna mhux ser jitħallew joħorġu mid-dar għas-6 ġimgħat li ġejjin ħlief għal raġunijiet essenzjali.

Ikel

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika jinforma lill-pubbliku li wara informazzjoni li rċieva permezz tas-Sistema Rapida tal-Ikel u l-Għalf, il-fazola ħelwa tad-ditta MP m’għandhiex tiġi kkunsmata minħabba li…

COVID-19

Niżlu għal 10 il-każijiet attivi tal-COVID-19 f’Malta. Dan wara li għal darb’oħra, fl-aħħar 24 siegħa ma kien hemm ebda każ ġdid irreġistrat. Fuq nota pożittiva oħra fieqet persuna. Biex b’hekk…

Aktar