COVID-19
Ara liema miżuri ġodda daħlu fis-seħħ għal waqt il-quddies

Ġew aġġornati u daħlu fis-seħħ mil-lum aktar miżuri ta’ prevenzjoni ta’ tixrid tal-imxija tal-COVID-19 waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-knejjes.

Mal-miżuri li daħlu fis-seħħ mill-bidu ta’ Ġunju meta reġgħu bdew jiġu ċċelebrati l-quddiesa bil-preżenza tal-pubbliku, qed issir ħafna enfasi fuq l-użu tal-maskra li hi preferuta mill-visor. Il-maskra għandha tintlibes ukoll waqt il-qrar, li ntqal idealment isir b’appuntament u f’post li jirrispetta l-miżuri ta’ prevenzjoni. Iċ-ċelebrant jista’ jinża l-maskra biss waqt li jkun fuq l-artal, imexxi ċ-ċelebrazzjoni.

Qed ikun suġġerit li lajċi li huma vulnerabbli ma jagħtux servizz speċjalment fejn jiġu f’kuntatt qrib ma’ nies oħra, bħal fil-ġbir waqt il-quddiesa jew bħala ministri straordinarji tat-tqarbin.

Mal-miżuri l-oħra kollha li ilhom fis-seħħ ħames xhur, intqal ukoll li għalissa mhux permess sehem ta’ korijiet kbar jew orkestri fi knejjes. Hu preferut li l-quddiesa tkun animata b’mużika strumentali u meta jkun xieraq li jsir kant, m’għandhomx jaqbżu s-sitta min-nies bejn kantanti u mużiċisti li jkunu mbegħda minn xulxin mill-anqas żewġ metri u nofs.

Fil-knejjes għandu jkun hemm ventilazzjoni skont kif rakkomandat mill-awtorità tas-saħħa. Meta jsir il-ġbir, il-persuna li tagħti l-offerta għandha tapplika sanitizer li jkollha magħha.

Id-dispensa mill-obbligu tal-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd għadha fis-seħħ, iżda l-Knisja qalet li familji u żgħażagħ huma mħġeġġa jiċċelebraw Jum il-Mulej billi jieħdu sehem fil-quddiesa.

It-tqarbin tal-morda fid-djar għandu jieqaf ħlief meta l-kundizzjoni medika tal-persuna tkun waħda kritika jew fejn persuni jqarbnu nies fl-istess dar tagħhom.