Lokali
Ara: “Ma ridux iħaddmuni għax wiċċi mtebba’ – bniedem la ssir tafu tkun taf x’inhu”

Glenn Buhagiar twieled b’tebgħa f’wiċċu. Waqt il-ħlas, dar il-kurdun m’għonqu.

Glenn, li għandu 35 sena, fetaħ qalbu dwar il-ġudizzju li jgħaddi minnu ta’ spiss minħabba d-dehra tiegħu, f’intervista waqt il-programm ‘Kuxjenza’. Stqarr, li f’ħajtu ried jaqdef aktar biex juri li hu kapaċi bħal ħaddieħor. Ġieli, ċaħħdulu post tax-xogħol, anki jekk kienu wegħduhulu bit-telefown.

Huwa rrakkonta li ħadd m’għandu jiġi ġġudikat mill-apparenza għaliex fi kliemu bniedem la ssir tafu biss tkun taf xi jsarraf. Glenn stqarr li għalkemm ħadd ma ried iħaddmu f’bar, jinsab konvint li xogħlu kien ikun kapaċi jagħmlu kif mitlub għax qal li jaf imur man-nies. Żied, li likieku nagħtu anqas kas tad-dehra ta’ ħaddieħor, ikun hawn anqas persuni li jħossuhom bħal ħuta barra mill-ilma.

Illum, Glenn rabba qoxra. Ommu kinitlu ta’ spalla mindu kien żgħir u kkonvinċietu biex maż-żmien il-ġudizzju ta’ ħaddieħor jitgħallem iħallih jaqa’ fuq widnejn torox. Glenn stqarr li t-tebgħa hija parti minnu, tant li kultant jinsa li qiegħda hemm.

Lil Glenn, it-tebgħa ma xekklitux milli jkompli jimraħ fil-mużika, li hija l-mimmi t’għajnejh. Fl-2018, huwa ħa sehem fl-ewwel edizzjoni ta’ ‘X Factor Malta’ u daħal għal din l-isfida b’ruħu u b’ġismu.

Intant, waqt ‘Kuxjenza’ fetħet qalba wkoll dwar is-suġġett tad-dehra Geraldine Ellul Magri, ir-rebbieħa ta’ Mrs Malta 2020. Stqarret, li bħal Glenn anki hi sabitha diffiċli biex tiġi aċċettata.

‘Kuxjenza’ jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa fis-7pm fuq TVMNEWS+.

Ara wkoll:

Ara: “Kienu jgħajruni ħafna” – titbikkem xħin tara ritratt ta’ żgħożitha