Barranin
ARA: Madwar 1.8 miljun persuna sfurzati jitilqu minn darhom kaġun ta’ għargħar kbir fiċ-Ċina

Għargħar kbir fin-naħa ta’ fuq taċ-Ċina wassal għat-tiġrif ta’ eluf ta’ djar, waqt li 1.76 miljun persuna spiċċaw bla saqaf wara li kellhom jitilqu minn darhom.

L-għargħar laqat il-provinċja Shanxi, b’valangi tat-tajn u djar imġarrfa f’iktar minn 70 distrett u belt. Ix-xita qawwija kompliet tagħmel l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ iktar diffiċli.

Erba’ pulizija kienu rrappurtati li tilfu ħajjithom meta nqabdu f’valanga, iżda s’issa m’hemmx ċifri dwar vittmi ċivili.

L-għargħar f’Shanxi jsegwi l-għargħar f’ Henan tliet xhur ilu, li ħalla mat-300 persuna mejta. Rapporti qed jgħidu li l-għargħar f’Shanxi aktarx huwa agħar minn dak ta’ Henan.

Il-ġimgħa li għaddiet fil-belt kapitali ta’ Shanxi, Taiyuan, niżlet mal-185.6 millimetri xita, meta l-medja għal Ottubru bejn l-1981 u l-2010 kienet ta’ 25 millimetru.