Lokali
ARA: Malta fl-isfond ta’ film b’koproduzzjoni Kanadiża-Maltija b’budget ta’ €2m

Bħalissa qed isir il-ġbid ta’ film b’koproduzzjoni Kanadiża u Maltija, li mistenni jintwera fuq l-istazzjon Kanadiż Hallmark. Hu stmat li l-film se jkollu udjenzi li jlaħħqu mill-anqas l-għoxrin miljun ruħ.

TVM żar il-Borża ta’ Malta, post li ntuża għall-ewwel darba minn produzzjoni ċinematografika, u ħejjiet dan is-servizz.

Kast magħmul minn madwar mitejn persuna – bejn Maltin u barranin – qed jieħu sehem fil-ġbid tal-film, To catch a spy, ko-produzzjoni b’budget li jlaħħaq madwar żewg miljun ewro.

Wiehed mill-producers ta’ dan il-film – Leif Bristow – qal li l-produzzjoni hija msejsa fuq storja mimlija azzjoni u drama, bi spija ppersegwitat minn xi ħadd li qed isus warajh u li jinsab fi ġlieda mal-ħin biex iwassal bagalja b’dokumenti sigrieti lejn l-ambaxxata Amerikana. Hu jinqatel qabel ma jkun jista’ jiżvela l-identità tal-qattiel u l-istorja tikkomplika ruħha meta dawn id-dokumenti jinsterqu.

Qal li l-produzzjoni taħt id-direzzjoni ta’ Jeff Beesley għall-istazzjon Hallmark, mistennija jkollha udjenzi li jlaħħqu mill-inqas l-għoxrin miljun ruħ.

”When we discovered Malta it provides such a beautiful backdrop to do stunning stories, with great crews, incredible support from the film commission and the government to make these happen so it’s always just been a real priority location to come to return to.”

Il-ġbid tal-film għaddej bħalissa u mistenni jintemm sal-aħħar ta’ April f’għadd ta’ postijiet ikoniċi f’Malta fosthom f’Wied il-Għajn, l-Imdina, u l-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-industrija tal-films qed tiġġenera impjiegi kreattivi għall-Maltin.

”Din hija l-iżjed industrija reżiljenti li għandna f’ pajjiżna bħalissa fejn qed naraw li anki minkejja l-pandemija, il-produzzjonjiet li qed nattiraw lejn pajjiżna ifisser garanzija ta’ xogħol għal dawk il-persuni li tinteresshom din l-industrija.”

Il-kummissarju tal-films Johann Grech qal li l-industrija qed tkompli tissaħħaħ minkejja l-isfidi li ffaċċjat minħabba l-Covid u r-reputazzjoni li Malta tgawdi internazzjonalment f’din l-industrija qed twassal għall-bini ta’ relazzjonijiet ma’ kumpaniji tal-films u studios rinomati.