Lokali
ARA: Maltin isellmu lill-Prinċep Philip

Diversi Maltin urew rispett lejn il-memorja tad-Duka ta’ Edinburgh b’ġesti differenti, fosthom quddiem il-villa li għal xi żmien wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien isejjaħ “id-dar”.

Għal sentejn bejn l-1949 u l-1951, Villa Gwardamanġa kienet id-dar għall-Prinċep Philip u martu r-Reġina Eliżabetta II, li dak iż-żmien kienet għada prinċipessa. Fl-aħħar jiem, għadd ta’ Maltin sellmu l-memorja tal-Prinċep billi ħallew fjuri fuq l-għatba ta’ din il-villa.

F’ċerimonja qasira organizzata mill-Malta George Cross Movement, tfakkret ħidmet il-prinċep bħala uffiċċjal mal-flotta rjali.

Is-Segretarja tar-Royal Naval Association, Elaine Zerafa, stqarret li dan il-jum ta’ dieqa jfakkarha fil-memorji sbieħ li kellha tal-Prinċep Philip li ltaqgħet għall-ewwel darba miegħu fi żjara li r-Reġina kellha f’Sant’Anġlu. Hi u Paul Briffa, chairman tal-assoċjazzjoni, fakkru s-sens ta’ umoriżmu li kellu.

“Very ordinary guy to speak to and I mean we were very very proud to have him and the majesty the queen stationed in Malta where I think they spent very happy times and we hope that the happy times that they did spend here will get her majesty through the next sorrowful time that really today she must be feeling.”

Paul Briffa qal “jien kont fin-Navy. Għamilt 42 sena fin-Navy dejjem kont niġi Malta. Iltqajt miegħu darbtejn meta kont nistudja l-Ingilterra. Ċajtier. Huwa bniedem li vera jagħmlek at ease biex titkellem miegħu.”

Xi wħud sellmu lill-Prinċep Philip fi djarhom . . . bħal din id-dar fil-Blata l-Bajda li tajret il-bandiera mezz’asta u dendlet mal-gallarija inkwatru tal-Prinċep.

F’nofsinhar, il-Prinċep Philip ingħata tislima b’salut mill-Barrakka ta’ Fuq. Fis-salut mogħti mill-Fondazzjoni Wirt Artna b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tat-Turiżmu ġew sparati disa’ tiri – wieħed għal kull diċenju f’ħajjet il-Prinċep.