X

ARA: Malti maqbud fit-terremot tal-Ġappun lest biex jaħrab b’familtu

Tensjoni kbira fil-Ġappun hekk kif l-awtoritajiet qed iwissu lin-nies li minn ħin għal ieħor mistenni terremot ieħor.

Malti, li ilu jgħix il-Ġappun 14-il sena, stqarr ma’ Television Malta li l-esperjenza ta’ jumejn ilu kienet l-agħar waħda ta’ ħajtu u issa qed iħejji ruħu għal kull ma jista’ jinqala’.

“Vera esperjenza li qatt m’għaddejt minnha u ma rridx nerġa’ ngħaddi minnha,” qal Damian Busuttil.

Dik li kellha tkun ġurnata normali ta’ xogħol għal Damian Busuttil f’Sapporo fil-Ġappun, fejn ilu jgħix 11-il sena, inbidlet f’esperjenza li ma jinsa qatt minħabba li r-reġjun fejn jgħix intlaqat minn terremot b’qawwa ta’ 6.7 fuq l-Iskala Richter.

It-terremot tant kien qawwi li qasam toroq min-nofs. Għamel ħsarat kbar fil-power stations u ħafna nies spiċċaw bla dawl u ilma, inkluż il-ħwienet tal-merċa.

“Ħafna ristoranti fetħu għan-nies biex jieklu b’xejn u qed jagħmlu ħafna posters b’xejn biex nies imorru jieklu għandhom… għandna r-ross u kollox,” qal Damian.

Minħabba l-iskarsezza fl-ikel u x-xorb, Damian beda jaħżen affarijiet li jista’ jiġi bżonn. “Jien għandi t-tifla żgħira xtrajt tliet pakketti nappies. Xtrajt it-tissues. Xtrajt ħafna affarijiet li s-soltu ma kontx nixtrihom din il-kwantità, u issa qed nixtri ħafna. Ċikkulati u gallettini li nistgħu nieklu meta jkollna xi emerġenza.”

Damian inkwetat għax l-awtoritajiet qed iwissu dwar il-possibbiltà li jseħħ terremot ieħor. “Lestejna basket biex jinqala’ xi ħaġa nistgħu naħarbu mill-ewwel imma kulħadd qed jagħmilha. Mhux jien biss. Is-supermarkets miftuħin imma vera limited għax m’hemmx ħafna xogħol u ħobż.”

“Ma tistax tgħid x’jiġri. M’għandekx twissija. Jgħidlek se nagħmillek terremot, oqgħod attent. La jiġi jkun ġie. Ninkwieta minħabba l-familja. Ma nistax noħorġu mid-dar u mmur għalihom dik problema kbira,” qal Damian.

It-terremot tal-Ħamis ħasad il-ħajja ta’ 21 persuna, bi 13-il ruħ oħra għadhom irrappurtati nieqsa.