COVID-19
ARA: Maltija telgħet għall-kura l-Ingilterra u weħlet hemm

Fl-aħħar snin, fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, kienet issir il-mixja għall-Fondazzjoni Puttinu Cares. Din kienet waħda mill-ħafna attivitajiet li tħassru minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li qed iżid mal-piż li qed ikollhom iġorru l-pazjenti li jinsabu għall-kura fl-Ingilterra.

Lourdes u Mario Ellul li kienu waslu biex jirritornaw Malta imma spiċċaw baqgħu f’Sutton minħabba r-riskji li ħolqot il-coronavirus.

“Tlajt għax kelli bżonn kura hawnhekk bone marrow transplant, però l-kura ħadet iktar milli kulħadd stenna għaliex suppost ħadet six months imma diġà ilna erbatax-il xahar. Issa nqbadna bil-coronavirus hawnhekk,” qalet Lourdes.

Lourdes u żewġha Mario Ellul kienu diġà ppakkjaw biex jinżlu Malta … iżda minħabba l-pandemija tal-coronavirus kellhom jibqgħu f’Sutton fir-Renju Unit u ma jafux meta se jerġgħu lura f’darhom. “Iddiskutejnieha mal-konsulent u qalli aħjar tibqgħu hawnhekk għax hawnhekk tistgħu tiġu monitored.”

Lourdes spjegat li minħabba r-restrizzjonijiet li daħlu fis-seħħ mindu faqqgħet l-imxija tal-COVID-19, għat-testijiet fl-isptar Royal Marsden qed tmur waħedha permezz tat-trasport li qed tipprovidilha l-Ambaxxata Maltija.

Mario Ellul stqarr li barra l-ansjetà tas-sitwazzjoni medika, beżgħan ukoll mill-coronavirus. “Tbatija oħra li qed nara jien hija aktar issa ċerta biża’ jew ansjetà minħabba l-coronavirus għax ix-xogħol ta’ xiri rrid nagħmlu jien, ma tistax toħroġ Lourdes – però nibża li jekk inlaqqtu dan il-virus ma nkunux nistgħu nduru b’xulxin.”

Mario rrakkonta li fl-aħħar jiem sab l-ixkafef tal-ħwienet vojta u bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, il-qraba bagħtulhom xirja bl-affarijiet essenzjali għall-ġimgħat li ġejjin. Huma stqarrew li jħossu n-nuqqas ta’ binhom u n-neputijiet.

“Kemm għaddejna minn tbatijiet, imma l-ikbar għafsa hija li ma tistax tħaddanhom miegħek. Dik l-ikbar għafsa, kemm għalija u anke għal Mario.”

Lourdes u Mario Ellul qalu li l-fidi fil-Mulej tagħthom il-forza biex jimxu ‘l quddiem.

Fl-appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu Cares f’Sutton bħalissa hemm sbatax-il pazjent. Il-Viċi Chairperson ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri spjegat li bħalissa, qed jintbagħtu għall-kura barra minn Malta biss il-pazjenti li jkollhom bżonn kura urġenti ħafna.

Kawża tal-pandemija – il-pazjenti barra minn Malta għandhom piż akbar xi jġorru – bħal Lourdes Ellul – ħafna minnhom ma jistgħux jiġu lura Malta.

“Irridu niftakru li hemm erbatax-il ġurnata li jridu jagħmlu kwarantina, jiġifieri dawn iridu jkunu tajbin għad-dar. Jekk dawn ikollhom bżonn blood transfusion jew xi testijiet tad-demm, dawn ma jistgħux imorru l-isptar u għalhekk qegħdin maqbudin fl-appartamenti tal-Ingilterra.”

Kawża tal-COVID-19, ġew affettwati wkoll il-proġetti ta’ Puttinu Cares – b’ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tħassru. Angele Cuschieri qalet li l-ħidma tagħhom hija ffukata fuq is-saħħa tal-pazjenti, waqt li għadhom għadejjin it-tentattivi biex jiksbu binja fiċ-ċentru ta’ Londra għal pazjenti li jkollhom bżonn il-kura hemmhekk.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Waqt li l-Gvern Spanjol beda jerħi wħud mill-aktar restrizzjonijiet ebsin kontra l-virus, l-isptar del Mar f’Barċellona ħa inizjattiva li jieħu lill-pazjenti bil-coronavirus ħdejn il-baħar. Tim mediku mill-isptar Hospital del Mar,…

Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Aktar