Safar
ARA: Maltin jinqabdu fl-eqqel tal-protesti fl-ajruport ta’ Hong Kong

Ilbieraħ mijiet ta’ titjiriet tħassru wara li d-dimostranti daħlu jipprotestaw fl-ajruport ta’ Hong Kong. Kmieni l-Erbgħa filgħodu, it-titjiriet reġgħu bdew isiru, għalkemm xi wħud ittardjaw u oħrajn baqgħu ma sarux.

Wara jiem ta’ tfixkil, l-awtorità tal-ajruport qalet li kisbet mandat ta’ inibizzjoni temporanju li jiprojibixxi lid-dimostranti milli jidħlu f’ċertu żoni fl-ajruport. Fi stqarrija qalet li n-nies se jiġu mrażżna milli jattendu jew jipparteċipaw f’dimostrazzjonijiet fl-ajruport ħlief f’dik iż-żona dentifikata mill-awtorità tal-ajruport. Dan kollu qed iseħħ fl-isfond ta’ 10 ġimgħat ta’ protesti fil-belt kontra l-Gvern.

Russell Sammut, Mandy Micallef Grimaud u membri oħrajn mit-tim ta’ WE għadhom kif irritornaw Malta wara esperjenza f’Hong Kong li m’hu se jinsew qatt.

“Kienet tal-biżgħa ħafna u aħna konna xxurtjati għax konna l-aħħar nies illi t-tijira tagħna telqet u daqshekk, imbagħad ikkanċellaw kollox – il-flights kollha – għax kieku kien ikollna noqgħodu hemmhekk,” qalet Mandy.

Mandy Micallef u l-kollegi nqabdu fl-aktar mumenti kaotiċi fl-ajruport internazzjonali ta’ Hong Kong – wieħed mill-aktar bieżla fid-dinja – fejn id-dimostranti marru jipprotestaw kontra l-Gvern.

Mandy, li għadha kif irritornat minn Hong Kong, qaltilna hekk: “Eżatt kif ħriġna sibna l-arrivals mimli b’eluf ta’ żgħażagħ kollha jipprotestaw, eżatt kif joħroġ xi ħadd mill-arrivals jibdew jgħajtu u jwerżqu u jtuna leaflets bħal dawn, għax huma intelliġenti, huma t-target kien il-passiġġieri li ġejjin mid-dinja kollha ovvjament.”

Il-protesti f’Hong Kong bdew f’April li għadda, wara li l-Gvern għadda liġi li biha kien se jagħmilha possibli biex persuni mixlija b’reati kontra ċ-Ċina jiġu estraditi lejn iċ-Ċina.

Ix-xahar li għadda l-Gvern issospenda l-liġi iżda d-dimostranti jridu li din titneħħa għal kollox. Huma qed jagħmlu erba’ talbiet oħra fosthom inkjesta indipendenti dwar il-vjolenza li l-pulizija allegatament użaw fuq id-dimostranti u amnestija lid-dimostranti li ġew arrestati.

“Huma jixtiequ illi d-dinja tkun taf il-verità għax qed jibżgħu li ħa jsiru bħaċ-Ċina u ċ-Ċina la għandek Facebook, la għandek Whatsapp, la għandek Google, m’għandek xejn għax kollox ikkontrollat mill-Gvern Ċiniż.”

F’Hong Kong, Mandy qaltilna li ħassew arja tqila ħafna, b’mijiet ta’ pulizija ta’ kontra l-irvellijiet armati sa snienhom kull fejn jitfgħu ħarsthom. Qaltilna li t-Tlieta li għadda kienu xxurtjati ħafna li rikbu l-ajruplan qabel l-ajruport ingħalaq għal kollox.

“Aħna iktar bżajna x’ħin konna se nitilqu għax żdiedu iktar nies, kien hemm ħafna iktar għajjat, surreali s-sitwazzjoni, għax jien qatt ma rajt dawn l-affarijiet ħa ngħid hekk, qatt ma rajt dawn il-protesti kbar daqshekk.”

Fl-aħħar sigħat l-ajruport ta’ Hong Kong reġa’ beda jopera wara lejl ieħor ta’ kaos li matulu d-dimostranti reġgħu ġew fl-idejn mal-pulizija li qed ikunu akkużati b’użu tal-forza eċċessiva.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Għalqu il-postijiet tal-votazzjoni fir-Renju Unit hekk kif l-elettroat ivvota fit-tielet elezzjoni ġenerali f’inqas minn ħames snin. L-elezzjoni li saret l-ewwel darba f’Diċembru fi kważi seklu issegwi l-elezzjonijiet preċedenti tal-2015 u…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ħass li kellu jattendi għas-summit tal-Kunsill Ewropew għax hu l-Prim Ministru tal-pajjiż u xogħlu huwa li jirrappreżenta lil Malta. Huwa qal dan fl-isfond li…

Politika

Iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista: Chris Fearne u Robert Abela ddikjaraw li Konrad Mizzi mhux ser jkun fil-kabinett tagħhom għalkemm jibqa’ fil-grupp parlamentari Laburista. Intervistati fil-programm Dissett, Dr Fearne u…

Lokali

Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni GO qalet li minħabba ħsarat is-servizzi tal-internet kemm dak fiss, kif ukoll tal-mobile mhumiex qegħdin jaħdmu. Fuq Facebook il-kumpanija qalet li konsegwenza ta’ din il-ħsara, iċ-channels diġitali tal-call centre huma…

Aktar