Mużika
ARA: Mark Spiteri Lucas jaqsam memorji ħelwin ma’ bintu

Il-familja Lucas hija sinonima max-xena tal-mużika lokali għaliex produċiet uħud mill-aqwa mużiċisti u artisti Maltin fosthom: John Charles Lucas, Oscar Lucas, Godwin Lucas u Joe Cutajar. Mark huwa prodott ta’ din l-istess familja u kiseb reputazzjoni bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna, magħruf l-aktar għas-suċċess miksub fl-2001 bil-kanzunetta “Fejn Staħbejtli” mill-pinna ta’ Paul Ellul u msebbħa bil-vuċi ta’ Ira Losco.

Tul is-snin, huma ftit id-drabi li Mark preżenta lilu nnifsu bħala kantawtur f’kompetizzjoni, iżda meta għamel dan il-pass huwa kien parteċipant f’uħud mill-festivals prinċipali f’Malta, inkluż: L-Għanja tal-Poplu, Il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, Festival Super One u aktar riċenti f’Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija.

 

‘Lil Binti’, is-silta parteċipanta f’Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija, li tagħha huwa kiteb kemm il-kliem kif ukoll il-mużika b’arranġament mużikali ta’ Andrew Zammit, u arranġament mużikali għall-orkestra minn Maestro Joe Brown, jidher li ħalliet impatt kbir, tant li daħlet fil-Klassifika tal-Aqwa 20 f’Malta u ndaqqet aktar minn 3,000 darba fuq Spotify, u ntweriet aktar minn 6,000 darba fuq YouTube.

Din il-kanzunetta wasslet lil Mark Spiteri Lucas biex jieħu d-deċiżjoni li jirritorna fix-xena tal-mużika lokali bħala kantawtur u għaldaqstant xtaq li jibda billi jkompli jagħti l-ħajja ‘l din il-kanzunetta permezz ta’ vidjo mużikali, miġbud kollu ġewwa l-Cavalieri Art Hotel ta’ San Ġiljan bi produzzjoni ta’ Marlon Polidano, li serva wkoll bħala direttur artistiku flimkien ma’ Ludwig Galea.

“Kien ta’ pjaċir kbir mhux biss li nikteb u nkanta din il-kanzunetta iżda li nħalli memorja viżiva, tanġibbli lil binti Greta, biex meta għada pitgħada ma nkunx hawn, hi tiftakar fil-ħin kollu li qattgħajna flimkien”, jgħid Mark Spiteri Lucas filwaqt li jistqarr li “Lil Binti kienet l-imbuttatura li kelli bżonn bħala artist, bl-idea li naqsam aktar materjal oriġinali fix-xhur li ġejjin”.

‘Lil Binti’ hija disponnibli fuq is-siti diġitali iTunes u Spotify grazzi għall-ippubblikar diġitali tal-kumpanija Ġermaniża CAP-Sounds u l-promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.