Politika
ARA: Marret Tokyo tilqa’ lill-President Vella b’kimono ‘Maltija’

Id-deċiżjoni ta’ Malta li s-sena d-dieħla tiftaħ ambaxxata f’Tokyo qed jitqies bħala tarġa oħra fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ gżejjer stati. Dan is-sentiment intwera fid-diskorsi ta’ rappreżentanti miż-żewġ pajjiżi, waqt żjara uffiċjali tal-President George Vella fil-Ġappun. Ir-rispett li tgawdi Malta f’dan il-pajjiż f’tarf il-kontinent Ażjatiku ntwera minn grupp ta’ Ġappuniżi, li b’karattru kemmxejn mistħi iżda simpatiku, attendew bi ħġarhom għal-laqgħa mal-President.

Il-President u s-Sinjura Vella ntlaqgħu b’merħba sabiħa malli daħlu f’sala ppakkjata, l-aktar b’Ġappuniżi b’interess f’Malta, iżda wkoll b’numru żgħir ta’ Maltin li jgħixu f’dan il-pajjiż. Għajnejn ħafna marru fuq il-Kimono, libsa tradizzjonali Ġappuniża magħmula mill-ħarir, li ordnat għall-okkażjoni Makiko Watanane.

“I love Malta very much,” qalet Makiko Watanane. Fil-fatt il-libsa kien mod kif Makiko turi kemm tħobb lil Malta tant li swietha 20,000 dollaru. Fiha disinni assoċjati ma’ pajjiżna bħall-arma ta’ Malta, il-luzzu, is-swar tal-Kottonera b’dgħajjes tar-regatta fil-Port il-Kbir, is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu u s-Salib tal-Kavallieri.

L-interess tagħha f’Malta beda seba’ snin ilu, meta fuq stazzjon tat-televiżjoni Ġappuniż rat prodotti artiġjanali fil-ħġieġ maħdumin f’Għawdex. Baqgħet sakemm sabet il-ħanut fil-Villaġġ tas-Snajja’ Ta’ Dbieġi fl-Għarb. Is-sid ta’ dan in-negozju, Carmen Brook, qalet lil TVM li tiftakar meta żarithom l-ewwel darba u kif qattgħet magħhom jumejn sħaħ.

“L-ewwel ġurnata damet hawn mid-9.00 ta’ filgħodu sas-7.00 ta’ filgħaxija biex tara l-kwalità tal-ħġieġ li għandna. L-għada reġgħet ġiet u qalet nixtieq nordna għall-Ġappun. Aħna għidnielha x’kuluri jogħgbuha u għażlet bejn 4 u 5 kuluri l-ewwel darba,” fissret Carmen Brook.

Qalet li minn dakinhar baqgħet iżżurhom kull sena u tordna dawn il-prodotti artiġjanali fil-ħġieġ, u oħrajn bħall-bizzilla li mbagħad tbiegħhom fil-Ġappun.

Għal-laqgħa mal-President ta’ Malta kien hemm Ġappuniżi oħra bi stejjer partikulari, bħal wieħed li żar Malta għal btala aktar minn 30 darba, u Ġappuniż li fetaħ restorant b’ikel Malti f’Tokyo.

“Jidher ċar li hemm entużjażmu kbir fuq Malta fost dawn in-nies, u jawgura tajjeb ħafna ħafna għall-fatt li l-idea u l-ħsieb li tinfetaħ Ambaxxata hawnhekk hi xi ħaġa tajba, għax għalihom tkompi tħeġġiġhom ħalli jkomplu juru interess fil-konnessjonijiet ma’ Malta,” qal il-President Vella.

Preżenti wkoll il-Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġappuniż, Shinichi Nakatani, li stqarr li pajjiżu jinsab ħerqan għall-ftuħ minn Malta ta’ Ambaxxata f’Tokyo. Irrimakra li apparti t-turiżmu u t-tagħlim tal-Ingliż, Malta qed tattira interess Ġappuniż f’oqsma oħra, bħas-servizzi finanzjarji u l-gaming.

Iż-żjara uffiċċjali tal-President George Vella fil-Ġappun tintemm hawn. B’riħet il-ħatra tal-Imperatur il-ġdid, din iż-żjara tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, li ħadu spinta fl-aħħar sentejn: bl-ewwel żjara ta’ Prim Ministru Ġappuniz f’Malta; Shinzo Abe, fl-2017, u bi żjara hawnhekk mill-Prim Ministru Joseph Muscat fis-sajf tas-sena l-oħra.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

81 persuna ġew immultati llum wara li nqabdu fi gruppi t’aktar minn 3 persuni. B’kollox il-multi ammontaw għal €8,100 f’inqas minn 24 siegħa. Dawn il-miżuri ttieħdu mill-Gvern biex tiġi kkontrollata…

COVID-19

Kwarantina obbligatorja b’effett immedjat fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far fejn jgħixu madwar elf resident. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħaxija. Il-Ministru Fearne qal li…

COVID-19

Wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbru li r-residenti taċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far jinsabu fi kwarantina, huma ressqu appell għal min…

COVID-19

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tliet pazjenti oħra fiequ mill-COVID-19. Dan ifisser li s’issa fiequ 5 persuni. Huwa ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet. Aktar dettalji fil-ħin li ġej.  

Aktar