Barranin
ARA: McGregor u Machine Gun Kelly jiġġieldu fuq it-tapit l-aħmar tal-MTV

Mumenti ta’ tensjoni fuq it-tapit l-aħmar tal-MTV Music Awards il-Ħadd li għadda, meta nqala’ argument bejn l-eks champion tal-UFC Conor McGregor u r-rapper Amerikan Machine Gun Kelly.

Skont rapporti, McGregor talab li jippoża għal ritratt ma’ Kelly, b’dan tal-aħħar allegatament jirrifjuta b’mod mhux daqstant dekoruż.

McGregor jidher ifajjar it-tazza tiegħu fid-direzzjoni ta’ Kelly, li kien akkumpanjat mis-sieħba tiegħu, l-attriċi Megan Fox. Membri tas-sigurtà jidhru jiġbdu lil McGregor lura u jidħlu bejnu u bejn il-koppja, li ġew skortati ‘l bogħod minnu.

Meta mistoqsi dwar l-inċident iktar tard, McGregor ċaħad li kien inqala’ xi argument bejnu u bejn Kelly, u ddikjara li hu jiġġieled biss ma’ ġellieda bħalu.