Mużika
Ara: Messaġġ qawwi u emozzjonanti, Claudia Faniello b’kanzunetta ġdida

Enerġetika għall-aħħar u b’vuċi li ssaħħrek. Xempju, li minkejja ċ-ċokon tal-gżejjer Maltin, it-talent lokali huwa bla qies. Wara perjodu kemxejn kwiet fil-karriera mużikali tagħha, anki frott iċ-ċirkostanzi li lkoll sibna ruħna fihom bla ma rridu, il-kantanta stabbilita Claudia Faniello kompliet tagħti l-ħajja lix-xena mużikali lokali b’kanzunetta ġdida l-ġmiel tagħha.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, Claudia sabet ix-xoqqa f’moxtha biex tirrifletti fuq il-ħoss u l-ispirtu tal-mużika bil-għan li tkompli tpaxxi ‘l-widna tad-dilettanti tal-mużika fostna. Il-kanzunetta, b’kitba tagħha stess, jisimha ‘SAY’ u msejsa fuq messaġġ qawwi u emozzjonanti dwar id-djalogu bejnietna.

‘SAY’ hija t-tieni kanzunetta li Claudia ħarġet f’anqas minn sena. Fl-2019 Claudia nediet id-diska ‘Fallin’ li kisbet suċċess ġmielu anki lil hinn minn xtutna.

Meta l-imxija tal-pandemija kienet fl-aqwa tagħha, Claudia ħadet sehem f’għadd ta’ kunċerti u produzzjonijiet diġitali kemm b’siltiet oriġinali kif ukoll b’interpretazzjonijiet mill-aqwa ta’ siltiet magħrufa internazzjonalment.