Eurovision
Ara: “Meta tħassar il-Eurovision għamilt ġimgħa nibki, nittama li s-sena d-dieħla nkun nista’ nirrappreżentakom” – Destiny

Ħadd wara Ħadd, fl-aħħar ġimgħat lil Destiny rajniha tpaxxi ‘l-pubbliku akkumpanjata minn għadd ta’ korjografiji l-ġmiel tagħhom matul edizzjoni spettakolari ta’ ‘X Factor Malta’. Kienu x’kienu l-arranġamenti tal-palk u minkejja li għadha fi fjur żgħożitha Destiny dejjem kantat b’passjoni liema bħalha u b’vuċi unika li tqajjimlek ġismek xewk xewk.

Destiny kellha seba’ mitt sena biex din il-ġimgħa titla’ tirrappreżenta l-gżejjer Maltin fil-Eurovision Song Contest ġewwa Rotterdam l-Olanda bil-kanzunetta ‘All Of My Love’. Hekk kif rebħet l-aħħar edizzjoni ta’ ‘X Factor Malta’, il-kantanta żagħżugħa bdiet tħejji ruħha minnufih bil-għan li f’dawn il-jiem tisraq il-qlub ta’ għexieren ta’ eluf ta’ dilettanti tal-mużika bil-vuċi distinta tagħha lil hinn minn xtutna.

F’kummenti lil tvm.com.mt, mistoqsija x’kienu r-reazzjonijiet tagħha meta semgħet li l-Covid-19 ma ħalliha lixxa lanqas lill-Eurovision, Destiny qalet li għall-ewwel ma setgħet tniżżilha b’xejn li xhur sħaħ ta’ ħidma sfieqa sfumaw fix-xejn f’leħħa ta’ berqa tant li għamlet ġimgħa sħiħa tibki. Minkejja dan, Destiny qalet li se tkompli tagħmel l-almu tagħha bit-tama li s-sena d-dieħla possibbilment taqta’ xewqtha u tkun tista’ tirrappreżentana lkoll.

Intant, f’dawn l-aħħar jiem isem Destiny kien fuq fomm bosta segwaċi tal-festival hekk kif irnexxielha tikseb għadd ta’ unuri f’isimha kif ukoll f’isem Malta. Is-sit Wiwibloggs għażel lil Destiny bħala l-aqwa kantanta solo tal-Eurovision ta’ din is-sena, il-filmat mużikali tagħha tqies bħala l-aqwa fost il-41 li kienu se jieħdu sehem din is-sena u Destiny irnexxielha tiġi fit-tielet pożizzjoni f ‘show li ttella’ fuq l-istazzjon nazzjonali Awstrijak. Liema riżultati, Destiny stqarret li jfissru ħafna għaliha. Qalet, li l-fatt li tara isem Malta fil-quċċata jagħtiha sodisfazzjon liema bħalu.