Ambjent
ARA: Miexi ġmielu t-tindif fiċ-Chadwick Lakes

In-nixfa tas-sajf qed tippermetti li jsir xogħol ta’ tindif fl-ilqugħ ta’ Wied il-Qlejgħa, li ħafna jafuh bħala Chadwick Lakes. It-tindif tal-materjal li nġemgħa mas-snin kixef passaġġi li kienu ddisinjati minn Lord Chadwick, li kien għamel dan il-proġett fl-aħħar tas-seklu dsatax. Sa dak iż-żmien, dan kien l-akbar proġett tax-xorta tiegħu għall-konservazzjoni tal-ilma tax-xita.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano spjega li dan ix-xogħol seta’ jsir biss fis-sajf, meta l-wied ikun niexef. “Miż-żona essaċċ se jitneħħew madwar 50,000 metru kubu ta’ materjal, li se joħloq 35,000 metru kubu ta’ ħażna ta’ ilma.”

Mistoqsi għalfejn iktar materjal milli ħażna għall-ilma, is-Sur Sapiano spjega li dan minħabba li f’ċertu partijiet tal-wied il-materjal li kien hemm kien iktar għoli mill-passaġġ tal-wied innifsu, f’ċertu postijiet anke metru.

Is-Sur Sapiano qal li l-investiment ta’ kważi €5 miljun għar-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Qlejgħa, li ħafna jafuh bħala Chadwick Lakes, se jagħti lill-pubbliku żona aktar aċċessibbli għall-mixi minn kif tinżel mill-Imtarfa ‘l fuq lejn il-Fiddien.

“Hawnhekk kien hawn passaġġi li jgħaddu mal-wied li saru parti mill-proġett tal-1880, il-proġett ta’ Chadwick. Fil-parti ta’ fuq tal-wied jiġifieri mhux l-ilqugħ fejn qegħdin hawnhekk pero l-ilqugħ ta’ fuq instabu l-passaġġi oriġinali tal-proġett li jimxu mal-wied ‘il fuq mill-ilqugħ. Prattikament 200/300 metru ta’ passaġġi.”

“B’hekk dik il-mixja li kien hemm, li forsi naraw f’ritratti antiki fejn dak li jkun qiegħed jimxi ħdejn l-ilma ġiet imtawla u estiża b’dawn il-200/300 metru li reġgħu ħarġu meta tneħħa l-materjal.”

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi qal li dan hu proġett ekoloġiku. Qal li se jitneħħew pjanti u speċi invażivi u minflokhom se jitħawlu siġar endemiċi. Il-Ministru qal li f’Wied il-Qlejgħa jinġabar biżżejjed ilma għal villaġġ ta’ 3,000 persuna.

Żied li meta fix-xitwa ma jkunx jista’ jsir xogħol fil-wied, se jibda xogħol fuq il-ħitan tas-sejjieħ. Il-pjan hu li jekk it-temp jippermetti l-proġett ikun lest sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Parti kbira mill-fondi għal dan il-proġett ġejjin mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li l-fondi ngħataw għax il-pajjiż jeħtieġ aktar spazji miftuħa, għax dan il-wied hu riżorsa naturali u l-proġett se jagħti spinta lill-industrija tat-turiżmu.

Aħbarijiet Oħra
Budget

B’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Joseph Muscat ma’ wieġeb xejn fuq is-sitwazzjoni tal-għalliema, tal-middle class, tal-popolazzjoni tiżdied, fuq il-problemi tal-banek u fis-settur tal-gaming. Fuq…

Ambjent

Il-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera, waqt li rtira l-emenda oriġinali tal-Gvern għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, ressaq emenda ġdida li permezz tagħha l-Parlament Malti iddikjara emerġenza fil-klima, bil-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u Ippjanar tal-Iżvilpp jinbidel…

Budget

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern xtara Villa G’Mangia fejn kienet tgħix ir-Reġina biex fiha isir proġett turistiku. Waqt li wieġeb għall-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-baġit, Dr Muscat żvela li…

Immigrazzjoni

Il-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, qalet li s-soċjetà Maltija għandha tagħmel dak kollu possibbli biex toħnoq id-diskors ta’ mibegħda. Hija kienet qed titkellem fid-dawl ta’ rapport minn The Times…

Aktar