Infrastruttura
Ara minn fejn tista’ tgħaddi minħabba li se jingħalqu wħud mit-toroq li jingħaqdu fil-Marsa Junction

Infrastructure Malta għaddejja bl-aħħar tħejjijiet biex il-Ħamis filgħodu tiftaħ il-korsiji u s-sistemi ta’ traffic lights temporanji meħtieġa biex tkun tista’ tibda t-tielet fażi tal-Marsa Junction Project.

Uħud mit-toroq li jingħaqdu fil-Marsa Junction se jingħalqu mal-lejl fis-7pm biex isirulhom il-bidliet li hemm bżonn biex jingħaqdu mal-korsiji u t-traffic lights temporanji li qed jitħejjew matul din il-ġimgħa. Għaldaqstant, jekk se tgħaddi minn u lejn Triq Aldo Moro matul illejl, trid jagħmel użu minn rotot alternattivi fl-istess inħawi. Ix-xogħlijiet kollha se jkunu tlestew sa għada filgħodu biex, kif tħabbar il-ġimgħa li għaddiet, jinfetħu l-korsiji temporanji u jinxtegħlu t-traffic lights ġodda fil-Marsa Junction. Dawn ir-rotot temporanji se jibqgħu fis-seħħ għal diversi xhur, waqt li jinbnew l-ewwel strutturi ta’ flyovers minn sebgħa li se jsiru f’dan il-proġett.

Matul ir-rotot kollha li se jkunu affettwati bix-xogħol se jitwaħħlu tabelli mal-ġnub tat-toroq biex juruk minn fejn għandek tgħaddi. Barra minn hekk, fl-inħawi se jkun hemm stazzjonati wkoll uffiċjali ta’ Infrastructure Malta, Pulizija u ta’ Transport Malta biex jiggwidawk f’każ ta’ diffikultà.

Waqt li jkunu qegħdin isiru x-xogħlijiet l-Erbgħa billejl, jekk tkun sejjer lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż (mill-Belt Valletta u l-Marsa-Ħamrun Bypass) wara li tgħaddi minn Triq Aldo Moro trid tikser lejn Vjal Sir Paul Boffa, biex tmur lejn Kordin jew Raħal Ġdid. Mill-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Aldo Moro mhux se jkun hemm aċċess dirett lejn Ħal Luqa, il-Gudja, l-Ajruport u lokalitajiet oħrajn fl-istess direzzjoni. Jekk tkun sejjer lejn dawn id-destinazzjonijiet, inkluż l-Ajruport, ikun jaqbillek tieħu rotot alternattivi minn Ħal Qormi u Ħal Luqa, jew miċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid lejn ir-roundabout ta’ Santa Luċija. Se jkun hemm ukoll rotta alternattiva oħra billi tgħaddi mill-karreġġjata tat-tramuntana fi Vjal Sir Paul Boffa u ddur lejn Vjal Santa Luċija.

Fid-direzzjoni opposta, minn Raħal Ġdid Lejn il-Belt Valletta, mhu se jkun hemm l-ebda aċċess minn Vjal Sir Paul Boffa lejn Triq Aldo Moro. Minflok, trid tgħaddi mill-karreġġjata tan-nofsinhar fi Vjal Santa Luċija, lejn ir-roundabout ta’ Santa Luċija u ddur lejn Ħal Luqa u Ħal Qormi. Il-konnessjoni bejn il-karreġġjata tat-tramuntana fi Vjal Santa Luċija u Triq Aldo Moro se tkun magħluqa wkoll. Minflok, dawn it-toroq se jkun hemm jgħaqqduhom iż-żewġ korsiji temporanji li qegħdin jitħejjew l-isfel miċ-Ċimiterju tal-Addolorata, u Triq il-Gvern Lokali (fejn hemm l-Istamperija tal-Gvern). Bħala rotta alternattiva oħra għal dawk li jkunu sejrin min-naħa t’isfel lejn iċ-ċentru tal-pajjiż, l-Erbgħa billejl se tkun miftuħa t-triq ta’ ħdejn Baċir Numru 7 (li tgħaqqad ir-roundabout ta’ Kordin mal-Marsa u l-Belt Valletta) fid-direzzjoni lejn it-tramuntana.

Bix-xogħlijiet li se jsiru l-Erbgħa billejl se jitlestew il-korsiji temporanji u t-traffic lights li hemm bżonn biex ikunu jistgħu jingħalqu wħud mill-korsiji eżistenti fil-Marsa Junction, tintefa’ s-sistema ta’ traffic lights li hemm bħalissa u flokha tinxtegħel dik li se jkun hemm temporanjament. B’dan l-arranġament ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet tat-tielet fażi tal-Marsa Junction Project. Din il-fażi tinkludi l-bini ta’ seba’ flyovers li se jeliminaw il-ħin li kien jintilef minħabba l-waqfien bis-sistema ta’ traffic lights u jtejbu s-sigurtà u l-effiċjenza ta’ din l-aktar junction li minnha jgħaddu persuni f’Malta.

Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, sistema ta’ seba’ pontijiet f’livelli differenti, passaġġi u korsiji għall-mixi u għar-roti, faċilitajiet tal-park and ride, żoni msebbħa b’siġar u pjanti u infrastruttura oħra sabiex itejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza ta’ din il-ħolqa tat-trasport importanti. Il-proġett ser inaqqas b’mod drastiku l-ħin tal-ivvjaġġar u t-tniġġis tal-arja kkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku billi jneħħi s-sistema preżenti ta’ traffic lights li hemm biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u minflokha jinbnew 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jwassluk b’mod dirett f’kull waħda mid-direzzjonijiet differenti li jingħaqdu flimkien f’dawn l-inħawi.

Dan il-proġett huwa konfinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Kurżitajiet

Il-maħżen tal-Knisja tal-Imġarr ilbieraħ laqa’ attività mhux tas-soltu. Seba’ rġiel poġġew ma’ mejda bil-għan li jiksru rekord nazzjonali biċ-‘chicken nuggets.’ Din l-isfida saret waqt il-maratona tas-soċjetà filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema,…

Kultura

Fis-sentejn li għamlu Malta, il-Franċiżi ħallew timbru li għadu magħna sal-lum. Ħames xhur wara li Malta saret membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija, komplew l-attivitajiet biex ifakkru l-Jum Internazzjonali tal-Frankofonija, f’pajjiżi li…

Aktar