Propjetà
Ara minn ġewwa d-dar li għexet fiha r-Reġina Eliżabetta f’Malta

Villa Guardamangia, li kienet ir-residenza tar-reġina f’Malta fis-snin ħamsin, ser tgħaddi f’idejn Heritage Malta, wara li jkun finalizzat il-kuntratt mal-gvern fi żmien sitt xhur. Il-ħsieb huwa li wara restawr intensiv tinbidel f’mużew tal-istorja tar-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit, li jinkludu wkoll id-diversi żjarat tar-Reġina f’Malta.

Sebgħin sena ilu, din kienet il-kamra tas-sodda tar-Reġina Eliżabetta, meta kienet għadha prinċipessa u tad-duka ta’ Edinburgh. Waqt li ż-żmien għamel tiegħu, Villa Guardamangia għad fiha numru ta’ oġġetti li kienu jintużaw mir-reġina, li jkomplu jagħtu valur storiku lil din id-dar.

Villa Guardamangia, hija l-unika residenza fid-dinja li r-Reġina Eliżabetta qieset bħala d-dar barra r-Renju Unit.

Hija parti mill-patrimonju tagħna, parti mill-patrimonju, mhux biss għax kienet toqgħod ir-reġina, imma wkoll eżempju klassiku ta’ binja ta’ villeġatura barokka.

Il-kap tas-servizz pubbliku, Mario Cutajar, qal li hekk kif tgħaddi f’idejn il-Gvern, il-Villa ser tiġi restawrata biex tinbidel f’mużew tal-istorja tar-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit.

“Kif stajtu taraw mal-għoxrin kamra, imma barra l-għoxrin kamra hemm ħafna artifatti u statwi, li probabbilment kienu fil-ġnien, li jridu jiġu restawrati, għandek ix-xelters, l-istalel, għandek living quarters ieħor fuq in-naħa l-oħra, li għandek ċertu kobor li huwa opportunità, wara li jiġi restawrat u rikreat mill-ġdid biex joffri esperjenza sabiħa, kemm għal Maltin imma anki għal barranin li jżuruna partikolarment l-Ingliżi.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li diġà nġiebu esperti tar-restawr li għamlu l-analiżi fuq il-binja, u li qegħdin isiru tentattivi biex il-familja rjali tkun involuta fil-proġett. Żied jgħid li l-ħsieb huwa li kemm jista’ jkun il-villa tinġieb lura għall-istat li kienet meta fiha kienet toqgħod ir-reġina.

“Fuq il-management plan, fuq ir-riċerki, wkoll li rridu nagħmlu sabiex ninterpretaw din il-villa hekk kif kienet fiż-żmien ir-reġina, hekk kif kienet tgħix ir-reġina, flimkien ma’ affarijiet oħra żgħar biex nagħmlu proġett sostenibbli minn din il-Villa meraviljuża.”

F’kummenti ma’ TVM, il-Gvern Ingliż qal li jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Gvern li jirrestawra din il-ġawhra. TVM huwa infurmat li l-Gvern wasal fi ftehim għax-xiri ta’ din il-villa, u s-sidien qablu li jikkonkludu l-ftehim mal-gvern flok mal-privat, biex tibqa’ parti mill-patrimonju Malti.