Passatemp
ARA: Minn mekkanik għal bennej ta’ mudelli ta’ vetturi

Louis Camilleri kien jaħdem bħala mechanic u meta rtira ddeċieda li jgħaqqad il-ħiliet tiegħu mal-kreattività, biex jibni l-mudelli tal-vetturi.

Louis Camilleri irtira seba’ snin ilu mix-xogħol li kien jagħmel bħala mechanic. Minn dak iż-żmien beda jogħxa fil-garaxx tiegħu fil-Gżira fejn jagħmel siegħat twal jibni l-mudelli tal-karozzi.

Jgħid li l-esperjenza tiegħu bħala mechanic għenitu biex ikun jista’ jittrasforma l-vetturi tal-ħolm tiegħu f’mudelli konkreti.

“Dejjem xtaqt nagħmel it-trukk tan-nannu għax kien ibiegħ il-pitrolju u rnexxieli nagħmlu u bqajt nagħmel trukk wara l-ieħor min jgħidli għamel anglia, min jgħidli għamel escort u bdejt nagħmilhom,” qal Louis Camilleri.

Jgħid li jagħti attenzjoni kbira lid-dettal u jwettaq riċerka estensiva biex ikun preċiż fir-riżultat aħħari.

“Dawn it-tip ta’ mudelli li nagħmel jien li kont naħdem fuqhom jien, kien inkun garaxx tal-kiri u kelli ħafna minnhom jiġifieri nafhom bl-amment l-anglia nafha bl-amment, il-cortina nafha bl-amment jiġifieri tidħol fid-dettalji tal-magna,” kompla Louis Camilleri.

Jistqarr li wiret in-namra tiegħu għall-bini tal-mudelli minn missieru li għandu 89 sena u li għadu jibni mudelli ta’ djar l-ġmiel tagħhom li huma wkoll jirrappreżentaw xempju tal-kreattività.

“Spiċċajna nagħmlu l-mudelli, daqqa tad-djar u daqqa tal-karozzi imma d-djar iktar jagħmilhom missieri ngħinu wkoll jien milli nista, imma jien tfajt fuq il-vetturi,” qal Louis Camilleri.

Ħallejna lill-Louis jimraħ fil-garaxx tiegħu, hekk kif diġà beda joħlom dwar il-proġett il-ġdid tiegħu!