Lokali
ARA: Mintoff telaq mis-Seminarju kontra x-xewqa t’ommu

Manuskritti u notamenti oriġinali ta’ Dom Mintoff li fihom minsuġa l-ġrajjiet ta’ żgħożitu ser jaraw id-dawl għall-ewwel darba. Kitbietu tterraq mit-toroq tal-Bastjun f’Bormla sal-quċċata tal-poter. Waqt li għaddej l-istampar ta’ din l-awtobijografija, TVM tkellem ma’ bintu Yana Mintoff. Hija qalet li f’kitbietu, missierha jifli s-soċjetà tradizzjonali li weżnitu waqt li jfaħħar lil dawk li ispirawh u ffurmawlu l-karattru.

F’The Olives, waħdu f’kamartu, b’rasu mserrħa f’idu u bl-oħra jħażżeż ħsibijietu f’kaligrafija bilkemm tingħaraf, Dom Mintoff kiteb l-awtobijografija li tixħet dawl fuq il-qofol tiegħu, bla ħabi, mimli dubji u mkisser minn ġewwa, kif jixref ruħu fil-ktieb Mintoff, Malta, Mediterra: Żgħożiti.

Bintu Yana, qalet li kitbietu titfa’ dawl minn tfulitu sakemm ġie lura Malta minn Oxford f’tarf it-Tieni Gwerra Dinjija. Qalet li bejn l-1998 u l-2008 Mintoff kiteb mal-elf faċċata dwar żgħożitu u l-istorja tal-Mediterran mogħni bi ġrajjiet li sawru s-soċjetà u l-ġlieda għall-ġustizzja soċjali.

Yana qalet “sena wara li mietet ommi beda jikteb sew – beda jikteb kuljum. Isemmi kif ma kienx idum fejn il-baħar biex jerġa’ jikteb. Għandu kitba bl-Ingliż sabiħa ħafna – għandu pinna tal-għaġeb u kull ġimgħa, għax jien kont naħdem l-Amerka dak iż-żmien – kien jibgħatli tmien paġni bil-fax u nagħtuh is-suġġerimenti.”

F’kitbietu, Yana qalet li missierha twaħħax kif skopra l-qasma kbira bejn id-drawwiet tal-kleru u t-tagħlim rivoluzzjonarju ta’ Kristu. Qalet li l-għadab morali waqqgħu l-pontijiet tad-dommi u l-katekeżmu tant li sadd widnejh u ħarab mir-rgħajja u l-merħla. Minn dakinhar terraq waħdu.

Yana qalet “hemm ħafna affarjiet li huma sorpriżi għax juri l-imħabba, juri l-kriżi tiegħu, il-kriżi eżistenzjali li kellu ħafna – bħal kull żagħżugħ. Kif għadda minnhom. Kif wasal biex joħroġ mis-Seminarju u kien hemm il-mama’ li ma riditux joħroġ mis-Seminarju. Imma t-twemmin li kellu ma ħallihx joqgħod hemm.”

Yana qalet li fost ir-rakkonti ta’ missierha hemm kif tnisslet fih il-kapaċità li jżomm il-massa bid-diskorsi tiegħu.

“Sar jaf jitkellem, fil-bidu mingħand waħda tal-Mużew – Rożina u hija għallmitu jiftakar u jagħti leħnu – għamel prietka fil-Knisja ta’ San Duminku u minn hemm beda” qalet Yana.

Yana qalet li familtha għamlet ħilitha biex mill-kaxxi mburġati b’manuskritti, floppy disks, dokumenti u notamenti setgħu jtemmu l-awtobiografija tiegħu. Qalet li mxew fuq żewġ kriterji sempliċi – li kull kelma li tinsab f’kitbietu tibqa’ tiegħu u s-sejħa tiegħu biex jitwettaq il-prinċipju Soċjalista mibdi fuq il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-paċi fil-Mediterran.

L-awtobijografija kitibha bl-Ingliż, iżda ġiet maqluba wkoll għall-Malti. Il-proġett sar bis-sehem tal-Arkivju Nazzjonali ta’ Malta.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Milied jiġi għal kulħadd u jferraħ bosta qlub. Żorna ċ-Centro Spero għal persuni nieqsa mid-dawl fejn ħassejna l-entużjażmu tal-persuni nieqsa mid-dawl li qed iħejji għal produzzjoni tal-Milied bi drama u…

Ekonomija u Finanzi

Statistika tal-Eurostat uriet li fl-2016, in-nefqa ta’ Malta f’għajnuniet soċjali kienet inqas mill-medja Ewropea. Fil-fatt Malta kienet f’sitt post mill-aħħar fost 28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea li tonfoq fuq servizzi soċjali….

Brexit

Tkompli titħabbel il-kobba dwar Brexit wara li fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Theresa May tidher li spiċċat b’idejha f’idejha meta ma kisbitx garanzija ta’ assigurazzjonijiet dwar il-fruntiera tal-Irlanda mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea….

Brexit

Il-korrispondent tal-BBC, Chris Morris, f’kummenti esklussivi lil Television Malta, stqarr li l-Prim Ministru Ingliża Theresa May s’issa għadha ma kisbitx dak mistenni minn ħafna Parlamentari Ingliżi biex jaċċettaw il-ftehim li…

Aktar