Annimali
ARA: Missier u iben isalvaw fekruna li nqabdet f’ħabel ‘il barra minn Wied il-Għajn

Fekruna li nqabdet f’ħabel madwar żewġ mili ‘l barra mill-gaġeġ tat-tonn f’Wied il-Għajn kienet ixxurtjata li sabet l-għajnuna minn missier u ibnu li kienu għaddejjin bid-dgħajsa.

Leander Mizzi qal lil TVM li din mhux l-ewwel darba li hu u missieru Alex salvaw fekruna, iżda kienet l-ewwel waħda din is sena. Huwa spjega li l-fekruna, li tidher pjuttost żgħira, inqabdet f’ħabel ta’ ċima tal-lampuki li x’aktarx inqata’ minn xi bastiment u tela’ fil-wiċċ.

Qal li mal-ħabel innutaw li kien hemm ħafna granċi żgħar, li jindika li l-fekruna setgħet marret mal-ħabel biex tiekol. Huwa appella biex min ikun fuq il-baħar iżomm għajnejh miftuħin “għax dawn il-ħlejjaq aħna biss nistgħu ngħinuhom.”

Kull min jiltaqa’ ma’ fekruna li ssib ruħha f’diffikultà huwa mħeġġeġ biex iċempel lill-għaqda Nature Trust fuq in-numru 9999 9505.

Is-Sur Mizzi ċċara li din id-darba ma infurmax lit-tim ta’ Nature Trust minħabba li kienu qegħdin ‘il barra ħafna u l-fekruna dehret f’saħħitha u mingħajr ġrieħi.

Filmat: Leander Mizzi