Kultura
ARA: Missirijietna x’kienu jħawru mal-għaġin?

L-istorja ta’ Malta tinħass ħafna fil-kċina. Storja ta’ nazzjon hi magħġuna anke fl-ikel tiegħu bl-influwenzi fil-kċina li jvarjaw mill-Grieg sal-Isqalli, mill-Franċiż sal-Ispanjol u mill-Afrika sal-Lvant Nofsani.

Heritage Malta u l-ITS se joffru opportunità rari lil madwar mitt persuna li jduqu tliet riċetti tal-għaġin ta’ aktar minn mitejn sena ilu.

Jingħad li jekk trid titgħallem l-istorja ta’ pajjiż trid iżżur il-libreriji tiegħu, iżda jekk verament trid tifhem lin-nies tiegħu trid tidħol fil-kċina tagħhom.

Liam Gauci qal li l-istorja tal-ikel f’Malta hija parti mill-identità tagħna u hija msejsa fuq riċerka fl-arkivji, f’kotba tar-riċetti u f’inventarji tal-kċina flimkien ma’ artifatti fil-mużewijiet ta’ Heritage Malta.

Wieħed minn dawn l-artifatti hu l-kwadru ta’ Charles Frederick de Brocktorff li jmur lura mitejn sena u hu kkunsidrat bħala l-eqdem immaġni tan-nies jieklu l-għaġin fil-Belt Valletta.

B’kollaborazzjoni mal-ITS, nhar l-Erbgħa u l-Ħamis li ġej Heritage Malta se tagħti l-ħajja lil tliet platti tal-għaġin li kienu jittieklu sekli ilu u nbid ta’ kwalità għolja li kienu jixorbu l-Granmastri.

Il-kuratur tal-mużew marittimu, Liam Gauci qal “għaġin magħmul minn dqiq li sibna hawn Malta fejn dħaqnih u għamilna t-taħlita tal-għaġin li qed insejħulhom fid-dokumenti spaghetti grossi u din kienet sempliċi riċetta ta’ dan l-għaġin bi ftit ġobon maħkuk, ftit żejt taż-żebbuġa u jekk ikollok dak in-naqra flus żejda kont troxx ftit bżar għax kif jgħid il-Malti ‘min għandu l-bżar iroxxu.”

Jirriżulta li l-kultura tal-għaġin f’Malta tmur lura aktar minn mitejn sena tant li fil-Palazz tal-Inkwiżitur kien hemm kċina mgħammra sew għall-produzzjoni u t-tisjir tal-għaġin.

Il-kuratur tal-palazz tal-inkwiżitur, Kenneth Cassar qal “l-inventarji juri li kien hemm l-għodod kollha neċessarji sabiex isir l-għaġin, nibdew mill-1630 għandna diversi passaturi, kappuljaturi, għandna lembiji sabiex issir l-għaġina u aktar kemm jgħaddi ż-żmien lejn is-seklu tmintax nibdew insibu ħafna aktar dettalji”

Iż-żewġ pranzi se jkunu limitati għal 50 persuna kull wieħed u minbarra li wieħed iduq parti mill-istorja fis-sala tal-ikel tal-Mużew Marittimu, erbgħa esperti se jagħtu tagħrif fuq l-istorja tal-għaġin f’Malta.