Lokali
ARA: Niġerjani f’Malta jipprotestaw kontra l-qtil ta’ żgħażagħ f’pajjiżhom

Il-qtil ta’ żgħażagħ Niġerjani mill-Pulizija f’pajjiżhom qanqal protesta paċifika mill-komunità Niġerjana f’Malta, li qed titlob għall-waqfien immedjat tal-ġlied u biex il-pajjiż jerġa’ jibda t-triq lejn il-paċi.

In-Niġerja nħakmet minn protesti li bdew b’sejħa biex tiżżarma taqsima tal-Pulizija, iżda meta l-President għamel hekk id-dimostranti ssuktaw bil-protesti jitolbu riformi fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż.

Il-komunità Niġerjana f’Malta nġabret fid-daħla tal-Belt biex tipprotesta kontra dik li sejħet il-qtil brutali ta’ żgħażagħ fin-Niġerja.

Iż-żgħażagħ inqatlu wara li allegatament ħadu sehem fi protesti li bdew b’sejħa biex tiżżarma taqsima speċjalizzata tal-Pulizija għal kontra s-serq, magħrufa bħala SARS. Il-protesti ilhom għaddejjin kważi tliet ġimgħat. S’issa nqatlu mill-inqas 12-il persuna. L-armata Niġerjana qed tiċħad l-involviment tagħha.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Niġerjana f’Malta, Patrick Umanah, qal li f’Malta hawn madwar 3,000 Niġerjan. Qal li nofshom spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom minħabba l-pandemija. Ir-raġel faħħar il-ġenerożità tal-Maltin li qal li għandhom valuri li f’pajjiżu għosfru għalkollox għax il-Gvern Niġerjan mimli sax-xfar ta’ għajnejh bil-korruzzjoni.

Fin-Niġerja jgħixu 200 miljun persuna, u huwa fost l-iktar pajjiżi sinjuri fil-kontinent Afrikan.

Ara x’kellhom xi jgħidu dwar dan kollu Niġerjani li jgħixu f’Malta: