Ara: Nisa jaqblu u oħrajn le rigward il-mekkaniżmu propost biex tiżdied ir-rappreżentanza femminili fil-Parlament

Qasmet il-ħsieb tagħha magħna Abigail Mamo, kap eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs li temmen li dan il-mekkaniżmu għalkemm bih se jkun qed jidher li hemm rappreżentanza ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament, mhux se jindirizza l-isfida preżenti għalfejn in-nisa mhux qegħdin jipparteċipaw fix-xena politika tal-pajjiż. Temmen li dan il-mekkaniżmu se joħloq biss bidla kożmetika. Saħqet li din il-liġi hija biss ‘shortcut’ għal dak li hemm bżonn li jsir.

Mamo spjegat li jekk wieħed janalizza l-istatistiċi marbuta mal-elezzjonijiet ġenerali f’Malta, in-nisa u l-irġiel huma vvutati bl-istess mod. Dan ifisser li l-elettorat ma jagħmel l-ebda diskriminazzjoni, jivvota kemm lin-nisa kif ukoll l-irġiel b’mod ugwali. F’termini numeriċi; 20% kemm tal-irġiel, kif ukoll tan-nisa li jikkandidaw ruħhom għall-elezzjoni jiġu eletti. Għalhekk li għandu jsir hu introduzzjoni ta’ numru ta’ inċentivi biex inħeġġu aktar nisa jikkandidaw ruħhom mal-partiti tal-għażla tagħhom. Jekk fuq il-karta tal-vot jiżdiedu iktar nisa, awtomatikament se jiġu eletti iktar nisa fil-Parlament.

Fost numru ta’ inċentivi li ilhom jiġu diskussi imma qatt ma ingħataw iċ-ċans li jiġu implimentati nsibu; żieda fil-family friendly measures, iktar sforzi minn naħa tal-partiti politiċi biex iħajjru iktar nisa jidħlu fix-xena politika u li l-politika u x-xogħol fil-parlament jibdew jitqiesu bħala karriera biex b’hekk min ikun parti mill-parlament ma jkollux għalfejn ikollu xogħol ieħor apparti r-responsabbiltajiet parlamentari.

Tkellimna wkoll ma’ Chiara Vassallo, President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ li qablet mal-kunċett li hemm bżonn ikollna Parlament iktar rappreżentattiv. Biss bħala mara u bħala membru tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ma taqbilx mal-mod kif qeda tiġi ssuġġerita li tintlaħaq din ir-rappreżentanza. “Bħala mara nħoss li dawn il-mekkaniżmi u kwoti bażati fuq il-ġeneru, jagħtu l-impressjoni li n-nisa għandhom bżonn dik l-għajnuna u għalhekk ma jkunx qiegħed jiġi valutat il-preġju u l-valur tal-mara. Indirettament ikun qiegħed jintqal li l-mara ma kienitx kapaċi tiġi eletta waħidha, kellha bżonn din l-għajnuna żejda”.  Vassallo saħqet li dawn it-tip ta’ miżuri jgħinu biex tiżdied il-perċezzjoni li l-ġeneru femminili huwa sess iktar dgħajjef minn dak maskili.

Popolin