Lokali
ARA: Occupy Justice b’dimostrazzjoni għall-verità u l-ġustizzja fil-Belt Valletta

Fl-ewwel anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Occupy Justice organizzat dimostrazzjoni bl-għajta għall-ġustizzja u l-verità. Id-dimostrazzjoni tul Triq ir-Repubblika ntemmet fi Pjazza l-Assedju l-Kbir fejn saru sensiela ta’ diskorsi.

Wieħed mill-organizzaturi, Manuel Delia qal li llum huwa l-bidu ta’ kampanja għall-verità u l-ġustizzja. Qal li l-libertajiet huma mhedda. Żied li mindu nqatlet Daphne Caruana Galizia, ħafna ddedikaw ħajjithom biex min qatilha ma joqtolx lil xogħolha. Manuel Delia qal li l-fjuri se jibqgħu jitpoġġew quddiem il-Qorti sakemm ma jitneħħewx aktar. Qal li mingħajr il-battalja tas-soċjetà ċivili s-sewwa kien jintesa.

Fost kelliema oħra, Pia Zammit li tkellmet bħala membru tas-soċjetà ċivili. Qalet li Malta mhux pajjiż normali u agħar minn hekk Malta qed titlef ruħha. Qalet li l-poplu ħaqqu ħafna aħjar. Semmiet lill-Ministru Owen Bonnici li qalet qed jiċċensura lis-soċjetà ċivili u għal aktar minn 20 darba neħħa l-fjuri u x-xemgħat li jitpoġġew biex ifakkru l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-bidu tal-velja saru bosta mistoqsijiet dwar min qatel lil Daphne Caruana Galizia, min riedha mejta, min ordna u ħallas għall-qtil tagħha u min għandu interess li ma tinkixifx il-verità.

Indirizzaw lill-folla għadd ta’ kelliema minn għaqdiet mhux governattivi internazzjonali. Qalu li tal-mistħija li sena wara għadu ma tressaqx quddiem il-ġustizzja min ordna li Daphne Caruana Galizia tinqatel.  Staqsew jekk Malta hux se tkun soċjetà li tressaq lill-kriminali quddiem il-ġustizzja jew jekk hux se jkun pajjiż fejn ġurnalisti jinqatlu u l-kriminali jitħallew jiġru barra. Huma kkritikaw id-deċiżjoni li l-Gvern li jneħħi l-fjuri minn fuq il-post fejn qed titfakkar Daphne Caruana Galizia quddiem il-Qorti.

Fi tmiem il-velja, dawk preżenti kantaw l-Innu Malti u poġġew fjuri quddiem ritratt kbir ta’ Daphna Caruana Galizia li tpoġġa quddiem il-Monument tal-Assedju.

Qabel il-velja ġiet iċċelebrata quddiesa b’suffraġju għal ruħ Daphne Caruana Galizia fil-Knisja ta’ San Franġisk. F’messaġġ mibgħut minn Ruma li nqara waqt il-quddiesa, l-Arċisqof Mons Charles Scicluna fakkar dak li kien qal fl-omelija tal-funeral tal-ġurnalista meta appella lill-ġurnalisti biex ma jibżgħux, u biex qatt ma jgħejjew fir-rwol tagħhom li jkunu l-għajnejn, il-widnejn u x-xofftejn tal-poplu mingħajr biża’ u b’rispett sħiħ lejn il-verità.

Sellem il-memorja ta’ ġurnalisti oħra li nqatlu matul is-sena li għaddiet u qal li il-ġurnalisti jeħtieġu l-protezzjoni tal-Istat u tas-soċjetà biex iħarsu l-libertajiet taċ-ċittadini kollha.

 

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar