Lokali
ARA: Oliver Friggieri jterraq għall-aħħar darba fit-toroq

L-aħħar vjaġġ tal-Professur Friġġieri sar b’korteo funebri li waqaf f’diversi postijiet sinonimi ma’ ħajtu jew il-karriera tiegħu. Ewlenin fosthom belt twelidu, il-Floriana, u l-post tax-xogħol tiegħu l-Università ta’ Malta. Kienet tislima emozzjonali minn dawk li ħadmu qrib il-Profs Friġġieri u oħrajn li qattgħu ħin jiddiskutu miegħu u se jibqgħu jgħożżu l-memorji sbieħ li għandhom miegħu.

Il-korteo funebri telaq minn ħdejn il-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar u minn hemm baqa’ sejjer lejn l-Università ta’ Malta fejn għamel l-ewwel waqfa.

Bi kliem jidwi il-versi tal-Professur Oliver Friġġieri, ingħatat l-aħħar tislima lill-Professur Friġġieri fil-post fejn għallem għal aktar minn erbgħin sena. Ftit passi ‘l bogħod minn fejn il-Professur Friġġieri kont tarah għaddej bil-kotba f’idu biex fil-lezzjonijiet jispira bil-letteratura lill-istudenti tal-Malti, inġabru għexieren ta’ nies fosthom akkademiċi u studenti tal-Università li fl-iskiet tagħhom sellmu l-memorja ta’ dan il-ġgant tal-letteratura Maltija. Spikkat il-preżenza tal-armla tal-Profs Friġġieri Eileen u bintu Sarah. Ir-rettur tal-Università, Prof Alfred Vella qiegħed kuruna ta’ fjuri fuq it-tebut.

“It-tagħlim li kien jagħtihom qalbu, bl-umiltà u mhux bis-suppervja, ir-riċerka u anki li jikkomunika mas-soċjetà li kien espert fih għax kien juża l-media, gazzetta radju u televiżjoni”.

Wara l-Università, il-korteo funebri għadda minn quddiem ir-residenza tal-Professur f’Birkirkara, u iktar tard quddiem id-dar fejn trabba f’Balzunetta fil-Floriana. Wara il-korteo kompla lejn il-Knisja arċipretali ta’ San Publiju fejn ingħatat l-aħħar tislima mill-membri tal-kunsill lokali tal-Floriana u mill-kleru tal-parroċċa. Is-sindku Davinia Sammut Hili ħabbret li l-legat tal-Professur Friggieri se jibqa’ ħaj fil-Floriana b’żewġ inizjattivi li se jittieħdu fiż-żmien li ġej.

“Hemm il-ħsieb li f’Balzunetta fejn twieled Oliver Friggieri, biex insemmu triq għalih u anki diskussjonijiet biex nagħmlu monument f’post prominenti”.

Il-korteo kompla fit-triqtu lejn id-daħla tal-Belt Valletta u intemm quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fejn saret il-quddiesa. Wara, il-korteo funebri telaq mill-Belt lejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata fejn saret id-difna b’forma privata.