Lifestyle
Ara: Omm ta’ 3 itfal tilgħab bil-pupi u tibni d-djar tagħhom

Ilha minn mindu kellha erba’ snin tilgħab bil-pupi u tagħmlilhom id-dar tagħhom. Illum li hija omm ta’ tlett itfal, Rebecca Micallef għadha tilgħab bil-pupi, din id-darba iżda tibni djar tal-pupi u żżejjinhom b’idejha sal-inqas dettall.

Rebecca Micallef, omm ta’ tlett itfal ċkejknin, baqgħet tgħix il-ħolma li jkollhom ħafna mill-bniet, li mhux biss jilagħbu bil-pupi, iżda jidħlu wkoll fid-dinja tagħhom. Il-fantażija ta’ Rebecca li tgħix fid-dinja taċ-ċokon, u tibni d-dar li fiha jgħixu l-pupi għamlitha realtà ftit aktar minn għoxrin sena ilu. Rebecca llum bħala delizzju għandha ‘l fuq minn għoxrin dar tal-pupi li bniethom matul is-snin, u mliethom hi sal-inqas dettall. Rebecca għandha passjoni għall-era medjevali, u dik Vittorjana, u għalhekk id-djar li tibni lkoll jgħidu storja.

Rebecca Micallef qalet li “minn meta kont żgħira kont inħobbhom, kelli 4 snin, dik li nħobb il-miniatures, dejjem ġo fija”.

Rebecca qaltilna li biex tibni dar, qabel tistudja l-era tad-dar fid-dettall biex l-ilbiesi tal-pupi, u d-dekor tad-dar ikun isegwi eżatt mal-perjodu fl-istorja. Rebecca qalet li kull dar biex tibniha u timliha tieħu xhur twal, ġieli anki sa sena, sakemm tibni b’idejha stess id-dettalji, fosthom platti taċ-ċeramika, settijiet tat-te, ilbiesi, u kull tiżjin ieħor li wieħed isib f’dar. Biex taħdem fiċ-ċokon, Rebecca qaltilna li wieħed irid ikollu ħafna paċenzja.

Rebecca Micallef qalet li “irid ikollok il-paċenzja u l-imħabba ghaliha, naturali, I was self taught imma l-paċenzja għax inkella ma tagħmel xejn”.

Fid-dinja tagħha tal-pupi u d-djar tagħhom, Rebecca qaltilna li jirnexxielha tgħix dinja tal-ħolm, f’dinja fiċ-ċokon, fejn kollox jista’ jsir realtà.