Ara:-“Pajjiżna ma jiflaħx għal dawn in-numri”

“Pajjiżna ma jiflaħx għal dawn in-numri, kull 1000 immigrant li jasal Malta qishom ikunu waslu miljun immigrant irregolari fl-Ewropa. Malta l-iċken pajjiż fil-Mediterran, u wieħed mill-iktar pajjiżi popolati fid-dinja”. Il-Ministru Bartolo spjega li l-Libja ssofri l-problema tal-immigrazzjoni irregolari wkoll, għaliex hija pajjiż tranżitu. “Mill-2,500 immigrant irregolari li wasal pajjiżna xi sebgħa biss kienu mill-Libja, kien hemm ammont sostanzjali ta’ immigranti irregolari li ġew mill-Bangladexx li mhux pajjiż ta’ persekuzzjoni ta’ gwerra”. Żied jgħid li għandha ssir distinzjoni bejn immigranti regolari li japplikaw bil-liġi biex jittrasferixxu ruħhom f’pajjiż ieħor, l-immigranti irregolari li b’mod illegali jidħlu f’pajjiż ieħor biex jaħdmu illegalment u l-iċken grupp li huma dawk li ġenwinament jkunu qegħdin jaħarbu mill-pajjiż biex ifittxu kenn mill-persekuzzjoni li jkun hemm f’pajjiżhom.

Mistoqsi x’jaħseb fuq il-petizzjoni ta’ erbgħa u sebgħin elf firma, li bħalissa hemm il-Parlament biex Malta ma tibqax taċċetta iktar immigranti irregolari, il-Ministru qal li bħala pajjiż m’għandniex naċċettaw iż-żewġ estremi, ma nistgħux ngħidu ħallihom jegħrqu biss ma nistgħux nibqgħu naċċettaw immigranti irregolari bl-addoċċ. “Għandna nirrifjutaw kemm estrem wieħed, kif ukoll l-estrem l-ieħor” Huwa tenna li rridu naħdmu flimkien mal-Libja u mal-Ewropa biex il-Libja tkun kapaċi tħares u tikkontrolla aħjar il-fruntieri tagħha. “Hemm bżonn issir gwerra lit-traffikanti u l-kuntrabandisti tal-bnedmin” tenna l-Ministru. “Fl-aħħar ħmistax-il sena minn kull mitt persuna li waslet f’Malta, il-pajjiżi Ewropej ħadu tmienja biss”.