Televiżjoni u Radju
Ara: Palazz fil-Gudja mżewwaq b’wieħed mill-eqdem torrijiet f’Malta – illum f’ ‘Il-Muxrafija’

Fis-seba’ programm mis-sensiela, din il-ġimgħa ‘Il-Muxrafija’ se jżur il-Gudja bil-għan li jiskopri l-istorja li hemm wara Palazzo D’Aurelle u l-ħajja ta’ briju li kienet tgħix il-Markiża Bettina, sidt din il-proprjetà. Binja, li rabtet isimha ma’ wieħed mill-jiem nazzjonali ta’ pajjiżna, Jum il-Ħelsien.

F’Palazzo D’Aurelle, fost l-oħrajn, se tingħata ħarsa lejn għadd ta’ strutturi mhux tas-soltu li jagħtu l-ħajja ‘l-ġnien ta’ dan il-palazz. Liema ġnien, huwa wieħed mill-akbar ġonna fin-nofsinhar ta’ Malta u li fost l-oħrajn huwa mżewwaq bit-Torri ta’ Xlejli, wieħed mill-eqdem torrijiet li nsibu fi xtutna.

Imbagħad, id-dokumentarju jissokta mill-Qrendi. F’liema lokalità, fost l-oħrajn, ‘Il-Muxrafija’ se jixref fiż-żewġ knejjes ta’ San Mattew.

‘Il-Muxrafija’ jixxandar illum fil-5.30pm fuq TVM.