Infrastruttura
ARA: Parkeġġ ġdid f’Marsaxlokk lest biex jilqa’ l-karozzi u l-vannijiet tal-monti

Ġie inawgurat parkeġġ ġdid f’Marsaxlokk f’dik hija l-ewwel fażi mill-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ dan ir-raħal. Il-parkeġġ, li mistenni jilqa’ sa 250 karozza, sar b’investiment ta’ €1.5 miljun, u jinsab biswit il-grawnd tal-futbol ta’ Marsaxlokk.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-parkeġġ, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dan il-proġett mhuwiex sempliċiment parkeġġ, iżda huwa proġett ambjentali li jinkludi wkoll landscaping rurali.

Il-Ministru Mizzi żied jgħid li dan il-proġett se jkun qiegħed itaffi mill-problema tat-traffiku f’Marsaxlokk, hekk kif il-vannijiet tal-bejjiegħa tal-monti se jkunu qed jiġu pparkjati f’dan il-parkeġġ, u għaldaqstant ser tkun qed tonqos il-konġestjoni tat-traffiku minn Xatt is-Sajjieda, b’tali mod li x-xatt ma jkunx qed jiġi ostakolat minn dawn il-vetturi kbar.

Min-naħa tiegħu, il-perit tal-Proġett, Edwin Mintoff qal li dan il-parkeġġ huwa pass importanti fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni ta’ Marsaxlokk u saħaq li fiż-żmien li ġej mistennija jiġu inawgurati proġetti oħra f’dan il-lokal fosthom fiż-Żona tal-Magħluq u f’Xatt is-Sajjieda. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Marsaxlokk, Horace Gauci li sostna li dan huwa parkeġġ li sar bi ħsieb u b’dedikazzjoni kbira u li ser ikun qed jagħti nifs lil Marsaxlokk.

Il-Parkeġġ, li sar permezz ta’ ħidma bejn Projects Plus, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi u s-settur privat, inbena bl-użu ta’ materjal tal-kostruzzjoni riċiklat li ħafna minnu kien mormi fl-istess sit. Dan il-parkeġġ jinkludi wkoll ġibjun tal-ilma li jesa’ mas-760 metru kubu t’ilma sabiex permezz tiegħu tkun tista’ ssir l-irrigazzjoni filwaqt li l-pavimentar flok sar permezz tal-konkos sar permezz ta’ materjal li minnu joħroġ il-ħaxix.

Sadanittant, bħalissa qed isiru l-istudji u qed jitfasslu d-disinji għall-fażi li jmiss tal-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk li din id-darba ser tkun iffukata fuq iż-żona tal-Magħluq u Xatt is-sajjieda. B’kollox il-Gvern ser ikun qed jinvesti mas-€6 miljun fuq il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk.

Ara mill-ajru ż-żona tal-parkeġġ qabel u wara l-proġett: