Stejjer Umani
ARA: Persuni b’diżabbiltà kuntenti li saru appostli għal ġurnata

Irġiel u nisa b’diżabbiltà llejla ġeddew mument mill-Aħħar Ikla ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu. Hekk kif il-Knisja Kattolika tat bidu għat-Tridu tal-Għid, iċ-ċelebrazzjoni ewlenija tal-lejla fil-parroċċi tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u tinkludi r-rit tal-ħasil tar-riġlejn.

Għal dan il-ġest simboliku, il-parroċċa tal-Kalkara għażlet tnax-il persuna b’diżabbiltà li jgħixu fil-komunità tagħha.

Minn barra tidher daqslikieku dar oħra. Meta tixref mill-għatba ‘l ġewwa, issib familja mdaqqsa. Għalkemm il-persuni ma jiġux minn xulxin, bejniethom jinħabbu bħal kull familja oħra.

F’Dar il-Wens fil-Kalkara jgħixu 23 persuna b’diżabbiltà, li kważi kollha jagħtu kontribut fis-soċjetà permezz ta’ xogħlijiet differenti.

“Kellna ħafna pupi, 3,000 pupu, imbagħad dawn neħduhom il-fabbrika tal-pupi biex jixtruhom in-nies,” fisser ir-resident Joseph Compagno.

Bil-flus li jfaddlu mill-paga, l-hena tar-residenti hi meta jsiefru. Dan ikkonfermah ir-resident Sandro Tabone. “Mort cruise magħhom, mort darbtejn…ħadt gost.”

Ir-residenti kienu wkoll ħerqana jattendu għal attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. “Mort nara l-play ilbieraħ fiċ-ċentru ta’ Ħal Far, mort nara lil sħabi, kont ilni biex narahom,” qal Sandro.

Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka fil-parroċċa tal-Kalkara, ir-residenti kellhom sehem attiv. Uħud minnhom kienu l-protagonisti fir-rit tal-ħasil tar-riġlejn.

Il-Kappillan, Dun Brian Gialanze, fisser kif din il-funzjoni hija tifkira ħajja ta’ meta Ġesù għażel li jiċċelebra l-Ewkaristija mal-iktar persuni intimi madwaru. Qal li bl-istess mod, il-parroċċa tal-Kalkara għażlet lill-familja ta’ Dar il-Wens, li jiddeskrivi bħala l-qalb ta’ dan ir-raħal.

“Permezz ta’ dan il-ġest ser nuru l-importanza ta’ din il-komunità, imma wkoll kemm għandna bżonn nieħdu ħsieb lil dawk fostna li huma emarġinati,” qal il-Kappillan.

Ir-residenti kienu ħerqana għall-okkażjoni, anki dawk li għalihom ma kinitx l-ewwel darba, fosthom Frances Farrugia; “Ninteressa ruħi, meta jaħsluli saqajja f’tal-appostli, għax ħassejtni kuntenta.”

U dawk li ma setgħux jipparteċipaw, wara ċ-ċerimonja xorta messithom xi ħaġa tajba. “Tawna ħobża tal-appostli, u qsamniha bħall-aħwa hawnhekk,” irrakkontat Frances.

L-amministratur tad-dar, Mark Psaila, spjega li din l-okkażjoni hija mezz kif ir-residenti tad-dar jintegraw aktar fil-komunità tal-Kalkara, fejn jgħixu. Qal li x-xogħol f’din id-dar huwa vokazzjoni, u li bħal m’għamel Ġesu, dawk li jaħdmu ma’ dawn il-persuni jridu jxammru l-kmiem u jaħslu r-riġlejn b’imħabba.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Fis-Siġġiewi, instabu 8 żoni fejn kien qed isir l-insib illegalment. Dan qalitu l-CABS fi stqarrija u saħqet li dawn ix-xbieki li jitpoġġew taħt l-ilma kienu qed jintużaw għall-insib tal-Pispisella, iċ-Ċewċewwa…

Ambjent

Wara li lbieraħ Infrastructure Malta qalgħet siġar mejta fit-Telgħa tas-Saqqajja biex tagħmel il-wisa’ għal siġar ġodda, illum beda x-xogħol ta’ tħawwil. Dalgħodu TVM żar il-post u seta’ josserva l-kumplament tat-tneħħija…

Pulizija

Għall-ewwel darba sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Korp tal-pulizija ser ikollu flotta ta’ vetturi ġodda fid-distretti. Il-Korp, illum inawgura ħamsin vettura ġdida u sitt segways li se jintużaw l-aktar fiż-żoni pedonali…

Aktar