Kurżitajiet
ARA: Pete Buttigieg iħeġġeġ votanti Amerikani biex iżuru Malta

Il-kandidat għal President Amerikan, Pete Buttigieg, qal li Malta hija pajjiż sabiħ, u ħeġġeġ lil għadd ta’ votanti li kien qed jitkellem magħhom biex iżuruh.

Waqt taħdita mal-votanti, Buttigieg tkellem dwar l-għeruq ta’ kunjomu, u qal li kieku kellu jsir President tal-Istati Uniti, mhux se jkun l-ewwel President fid-dinja b’dak il-kunjom, għaliex kien hemm President Malti kunjomu Buttigieg, li kien joqgħod bieb ma’ bieb ma’ familtu meta kienu għadhom jgħixu f’Malta.

Buttigieg huwa iben il-Professur Joseph Buttigieg, li fis-snin sebgħin kien emigra lejn l-Istati Uniti, fejn miet f’Jannar tas-sena l-oħra.

Waqt it-taħdita, Buttigieg żvela li fil-passat kien jiġi spiss Malta. Qal li x’aktarx li n-nies jaraw lil Malta fil-films, peress li jinħadmu ħafna films fiha. Semma’ fost oħrajn kif darba daħal bi żball fuq is-sett ta’ World War Z meta kien għaddej il-ġbid tal-film.

Skont l-istħarriġ tan-New York Times, Buttigieg jinsab fir-raba’ post fit-tellieqa tad-Demokratiċi għall-elezzjonijiet Presidenzjali, waqt li huwa t-tieni l-iktar kandidat Demokratiku li rċieva għotjiet individwali, b’total ta’ $51.5 miljun.

Ara wkoll:

Pete Buttigieg fuq il-faċċata tar-rivista TIME