ARA: Pinġa eluf ta’ pitturi b’ħalqu wara li kiser ix-xewka ta’ dahru

Kien dilettant sew tal-festa ta’ San Nikola. Fil-fjur ta’ żgħożitu, refgħuh fil-marċ, waqa’ u kiser ix-xewka ta’ dahru tant li spiċċa pparalizzat għal għomru f’siġġu tar-roti.

Din hi l-esperjenza ta’ Michael Vassallo, li għalkemm ilu aktar minn 30 sena f’siġġu tar-roti, għandu namra speċjali għall-arti tant li rnexxielu jpinġi eluf ta’ pitturi…mhux b’idejh imma b’ħalqu.

“Fil-marċ tal-festa kont weġġajt. Refgħuni u waqajt u bqajt ipparalizzat minn dakinhar lil hawn. Ksirt ix-xewka ta’ dahri,” jirrakkonta Michael.

Michael, illum jgħodd 50 sena. Aktar min-nofshom qattagħhom f’siġġu tar-roti. Kellu għal qalbu l-festa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi. Iżda wara l-inċident kellu jfittex interessi oħra.

Bdiet tinteressah il-pittura u b’ċikka skopra li għandu talent fl-arti. Iżda minħabba li ma jistax jiċċaqlaq, Michael ipitter b’ħalqu. “L-aktar li nħobb inpinġi pajsaġġi Malti fil-kampanja u fjuri. Trakkijiet antiki nħobb inpinġi. U ma ngħidlekx kemm pittirt għax tlift il-count.”

Li jpitter b’ħalqu saret xi ħaġa ta’ rutina. Ipinġi pitturi l-ġmiel tagħhom. “Daqqa tlett ijiem. Daqqa iżjed. Daqqa nitlaqha u nerġa’naqbadha ftit ieħor. Qisek id-difetti tarahom wara.”

Qalilna li llum ma jimmaġinax ħajtu mingħajr l-arti. “Issa żgur li le. Issa daħlet ġo fija. Ilni xi 18-il sena npinġi kuljum.”

Michael jgħix ma’ ħuh it-tewmi, Nicholas li qatt ma basar li ħuh għandu t-talent tal-arti. “Qabel fil-barriera kien jaħdem. Issa beda mbierek Alla u jgħaddi ħafna ħin hekk,” qal Nicholas.

Għal Nicholas, ħuh huwa l-mimmi ta’ għajnejh. “Dejjem flimkien konna u naħseb nibqgħu sakemm immutu hekk. Jien u hu subien u dejjem inħawdu bejnietna.”

Michael appella lill-persuni b’diżabbiltà biex ma jaqtgħux qalbhom u ma joqogħdux lura milli juru t-talenti tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Tfajla ta’ 24 sena bil-kundizzjoni Bi-Polar qalet li minn ħajja solitarja u dipressiva, illum qed tgħix ħajja feliċi grazzi għal mara li qed tiddedika ħajjitha għal żgħażagħ b’diżabiltà. Fiona Ellul…

Lokali

Fis-sajf li ġej, grupp ta’ ċiklisti mil-LifeCycle ser jaqdfu elfejn kilometru fi tliet pajjiżi fl-Ażja biex ikomplu jinġabru fondi għar-riċerka fuq il-mard tal-kliewi u biex tkun iffinanzjata għajnuna psikoloġika għall-pazjenti…

Kultura

Fil-Mużew Marittimu fil-Birgu se jkun hemm esebizzjoni li tiċċelebra l-legat tal-esploratur marittimu, Jacques Cousteau, u l-konnessjoni tiegħu ma’ Malta permezz tal-vapur ‘Calypso’, li wara li baħħar bi vjaġġi bejn Malta…

Sport

Kumpanija Maltija li bbenefikat mill-programm nazzjonali ta’ Riċerka u Innovazzjoni, Fusion, bdiet tipproduċi sistemi ta’ dawl LED biex jintużaw f’kumplessi sportivi. F’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, il-kumpanija Altern bdiet tinstalla sistema ta’…

Aktar