Annimali
ARA: Popeye u Catherine mfejqa, jinħelsu fil-Ġnejna

Sens ta’ sodisfazzjon fost il-voluntiera ta’ Nature Trust fil-bajja tal-Ġnejna li wara xhur ta’ kura lil żewġ fkieren, qabbduhom it-triq biex jirritornaw fl-ambjent marittimu. L-okkażjoni tfakkar ukoll fil-ħsara kbira li jagħmel il-plastik mormi fil-baħar.

Il-fkieren Popeye u Catherine treġġgħu lura fl-ambjent naturali fil-bajja tal-Ġnejna. Iż-żewġ fkieren kienu nstabu midruba mill-volontiera tan-Nature Trust u ttieħdu Forti San Luċjan f’Marsaxlokk għal xhur ta’ rijabilitazzjoni.

Il-President tan-Nature Trust, Vince Attard qal li Popeye nstab f’Marzu tas-sena l-oħra imwaħħal fil-fdalijiet tas-sajd u kellu infezzjoni fil-pulmun li żviluppat wara li bela’ l-plastik. “Instab f’Popeye Village għalhekk jismu Popeye, kellu ħames snin meta nstab u kien maqbud fil-plastik, fil-fatt kellu qtugħ fil-flippers tiegħu. Ovvjament il-kura damet ħames xhur sakemm fieq u llum kien tajjeb biex jitlaq.”

Catherine nstabet fi stat aktar prekarju, tliet kilometri lil hinn mill-kosta tal-Armier f’Novembru ta’ sena u nofs ilu. Is-Sur Attard spjega li l-fekruna għaddiet minn trawma minħabba li l-ewwel intlaqtet minn opra tal-baħar li kkawżat ferita viżibbli fuq il-qoxra tagħha u mbagħad waħlet fil-ħmieġ tal-baħar fejn belgħet il-biċċiet tal-plastik.

“Kienet kważi mejta,” fisser is-Sur Attard. “Ilha disa’ xhur tieħu l-kura antibiotics, vitamini u affarijiet oħra però ftit ftit ġibniha lura.”

Il-fkieren tal-baħar inħelsu fil-preżenza tal-Kummissarju Għoli Ingliż, Stuart Gill, u l-Ambaxxatur ta’ Franza, Beatrice le Frapper du Hellen, li appellaw lill-pubbliku ma jarmix materjali li jniġġsu l-baħar. Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera, qal li l-Gvern qed jgħin b’kull mezz possibbli lill-għaqdiet mhux governattivi f’ħidma ta’ din ix-xorta u biex jonqos l-iskart marittimu.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Grupp ta’ għaddasa li niżlu jgħoddsu f’Wied il-Għasri u Reqqa Point f’Għawdex ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ skart mhux tas-soltu mormi fil-baħar. L-għaddasa sabu għadd ta’ ġlud tal-fniek mormijin fil-baħar. Bil-kurrent,…

Temp

L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi dwar riħ qawwi li se jaħkem il-gżejjer Maltin. Ir-riħ mit-Tramuntana għall-Majjistral ser ikun qawwi għal qawwi ħafna kultant fuq il-Gżejjer Maltin. Din…

Politika Lokali

Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta qal li nnota d-dikjarazzjoni tal-familja Caruana Galizia wara r-riżultati tal-inkjesta fil-każ ta’ Egrant fuq allegazzjonijiet li oriġinalment għamlet Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern qal li huwa…

Aktar