Ambjent
ARA: Proġett li se jibda dalwaqt f’parti minn Wied il-Qlejgħa li ftit jafu biha

Meta nsemmu ċ-Chadwick Lakes ħafna drabi tiġina f’moħħna l-parti fil-limiti tal-Mosta li tidher mit-Triq ta’ Buqana. Xena tal-kartolini f’dan iż-żmien tas-sena. Mhux l-istess jista’ jingħad għal parti oħra tal-wied . . . fejn jibda. Din hi meqjusa bħala l-aktar parti sensittiva tal-wied . . . mill-Fiddien ‘l isfel fejn jibdew l-ilqugħ disinjati minn Lord Chadwick f’tarf is-seklu dsatax. Permezz ta’ proġett li se jibda fix-xhur li ġejjin, din il-parti ta’ Wied il-Qlejgħa se tiġi restawrata bil-għan li jingħata nifs lill-ekoloġija u esperjenza edukattiva lill-viżitaturi.

Hi żona b’bosta faċċati li minnufih jolqtu l-għajn: minn banda l-istat ta’ telqa u mill-banda l-oħra n-natura titkellem weħdiha fil-kwiet tal-post. Hu f’dan l-ambjent li l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma wara studji dettaljati għandha f’idejha l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirriabbilta Wied tal-Qlejgħa minn kif tinżel mill-Imtarfa ‘l fuq lejn il-Fiddien. Il-kap eżekuttiv tal-aġenzija, Manuel Sapiano, spjega li din hi l-aktar parti sensittiva tal-wied u li lanqas jafu biha n-nies billi diffiċli tgħaddi minnha bil-mixi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano qal “b’dan il-progett se nkunu qed nestendu l-area aċċessibbli ta’ Wied il-Fiddien u wkoll nippermettu li b’mod sensittiv dak li jkun jista’ jimxi mal-wied, jara x’hemm u jeduka ruħu dwar l-ispeċi ta’ veġetazzjoni ta’ pajjiżna fejn jidħol ukoll l-ambjent naturali.”

Is-Sur Sapiano għamilha ċara li dan hu proġett ta’ restawr ekoloġiku, bl-anqas interventi possibbli u studjati sew. Qal li se jitnaddfu żewġt’ilqugħ kbar tal-ilma f’din il-parti tal-wied, tneħħija ta’ ħmieġ li nġema’ tul is-snin u rranġar ta’ ħitan. Se jsir ukoll passaġġ mal-ġenb mnejn il-pubbliku jkun jista’ jimxi tul il-wied kollu – japprezza n-natura mingħajr ma jgħaffeġ fuq il-flora u l-fauna.

“Qed ngħidulha tracking trail, għax hi trejqa fejn wieħed jista’ jimxi, irid ikun hemm ukoll punti edukattivi li jispjegaw il-wied x’inhu. Allura għalxiex persuna li ġiet hawnhekk tista’ tapprezza l-uniċità ta’ dan il-post.”

Bandli li hemm fil-bidu tal-wied, fuq ix-xaqliba tal-Fiddien, se jitneħħa iżda l-proġett jaħseb għal faċilitajiet oħrajn għal pubbliku.

“Il-bandli ta’ warajna forsi l-idea kienet tajba imma fejn sar ma kinitx l-aħjar idea. U allura dawn l-istrutturi se jitneħħew però se jkun hemm fit-truf tal-wied u f’postijiet fejn il-wied jitwessa’ faċilitajiet simili ta’ amenities ta’ rikreazzjoni.”

Il-Manager responsabbli mill-proġett, Mario Cassar, eskluda li jsiru gabbani tal-ikel u saħaq li l-għan hu li tingħata esperjenza edukattiva lill-familji li jżuru dan il-post uniku b’valur ekoloġiku kbir. Spjega li anke kamra mat-triq prinċipali, magħrufa bħala l-Fiddien Box, fejn jiltaqgħu diversi għejjun ta’ ilma li minn hawnekk kien jitwassal sal-ġibjun tal-Fiddien se tiġi restawrata u tkun integrata fil-proġett.

“Se tagħti lok biex wieħed jifhem x’jiġri mill-ilma, mill-proċess kollu, minn x’ħin taqa’ x-xita sakemm eventwalment jimxi u jispiċċa fil-widien. Se nżommu l-binja li teżisti, jiġifieri żvilupp mhu ser isir xejn.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma qal li sfida ewlenija hi li ħafna mix-xogħol irid isir meta l-wied ikun niexef, fix-xhur sajfin. Qal li ħsieb hu li x-xogħol jibda fis-sajf li ġej u jeħtieġ mill-anqas sentejn biex jitlesta. Il-proġett se jiswa €5 miljuni, b’parti mill-ispiża se titħallas minn fondi Ewropej.

Aħbarijiet Oħra
Turiżmu

Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena ġew Malta ftit aktar minn 78,000 turist abbord il-vapuri tal-passiġġieri. Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kien hemm żieda ta’ aktar minn 810,000 passiġġier meta…

Xogħol

Ċifri tal-Eurostat juru li Malta hija fost 13-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea li sal-2018 kienet diġà qabżet il-miri tal-impjiegi li kellhom jintlaħqu sal-2020. Il-Eurostat qal li s-sena l-oħra, Malta b’żieda ta’…

Partit Laburista

Il-Partit Laburista permezz tad-deputati Edward Zammit Lewis, Alex Muscat u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Fleur Vella, qal li l-Oppożizzjoni mhix kredibbli meta titkellem dwar il-finanzi tal-pajjiż. Dr Zammit Lewis qal…

Mużika

Freddie Portelli se jkun qiegħed iniedi kanzunetta ġdida bl-isem ta’ ‘Il-Kbir Għadu Ġej’, li se twitti t-triq għal musical li se jġib l-istess isem tal-kanzunetta. Il-mużika kitibha Dominic Galea filwaqt…

Aktar