Lokali
Ara: Pump House ġdida biex tkompli tattira aktar films kbar f’Malta

Il-faċilitajiet fil-Malta Film Studios komplew jissaħħu bil-bini ta’ Pump House ġdida. Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li dan il-proġett, b’investiment ta’ €2 miljun, huwa fost kullana ta’ oħrajn li qed isiru bħala parti mill-viżjoni tiegħu għas-snin li ġejjin. Is-Sur Grech qal li l-Kummissjoni tal-Films qed tesplora sinerġiji ma’ diversi entitajiet fosthom il-PBS, biex din l-industrija tkompli tiżvilippa fosthom bi skola tal-films, sound studios u faċilitajiet għall-effetti speċjali.

Inawgurata Pump House ġdida fil-Malta Film Studios li se jkollha pompi b’teknoloġija moderna, biex taħdem b’mod iktar effiċjenti u bl-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent. Il-pompi nbidlu wara 40 sena bil-għan li jkomplu jservu liż-żewġ tankijiet li jintużaw ta’ spiss għall-produzzjonijiet tal-films, sensiliet televiżivi u riklami ta’ ditti kbar li jiġu jiffilmjaw fil-faċilitajiet tal-Malta Film Studios fil-Kalkara.

Minbarra li nbniet Pump House ġdida, minn kumpaniji fl-Istati Uniti u l-Ingilterra, il-Malta Film Studios tejbet l-infrasturuttura tal-inħawi b’toroq ġodda u tisbiħ taż-żona. Proġett, li sar b’investiment ta’ €2 miljun.

Fl-inawgurazzjoni, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li fl-industrija tal-films illum hawn iktar minn 1,000 crew u ‘l fuq minn 400 kumpanija, u l-ambizzjoni hi li jitħarrġu iktar żgħażagħ biex ikollhom karriera f’oqsma varji tal-films. Qal, li l-Kummissjoni tal-Films qed taħdem mal-Public Broadcasting Services Limited biex tesplora sinerġiji li jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. Semma, kif qed isiru kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħrajn biex din l-industrija tkompli tipprometti fil-futur fosthom bi skola tal-films, sound studios u faċilitajiet għall-effetti speċjali.

“Kemm nistgħu nirbħu produzzjonijiet lejn Malta. Kemm nistgħu noħolqu jobs għan-nies tagħna. Kemm miljuni nistgħu niġġeneraw fl-ekonomija ta pajjiżna. Dik hija l-viżjoni tagħna. Fort Rikasoli – irridu nagħmluha l-akbar Ċentru ghall-Arti tal-Films fl-Ewropa, fejn aħna l-Maltin u dawk li jżuruna, inkomplu ingawdu l-istorja tagħna u napprezzaw din l-arti tal-films.”

F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo rrimarka kif l-industrija tal-films trid tkun monument ħaj ta’ aktar suċċessi li rridu niksbu lkoll flimkien. Qal, li f’din l-istorja tal-films li ilha tinkiteb aktar minn 100 sena, il-Gvern qiegħed ikun kontributur importanti biex Malta jkollha industrija tal-films ta’ fama mondjali.

Fi 13-il xahar waqt il-pandemija, Malta attirat 21 produzzjoni, li bejniethom iġġeneraw €75 miljun.