Immigrazzjoni
ARA: Pumpiera Maltin iwasslu mijiet ta’ gvieret u mħaded fil-Litwanja

Fix-xahrejn li għaddew l-Unjoni Ewropea bdiet tħabbat wiċċha ma’ kriżi ta’ immigrazzjoni irregolari fiż-żona tal-Baltiku, riżultat dirett ta’ kwistjoni diplomatika mal-Belarus.

Fil-Litwanja bejn Lulju u Awwissu daħlu eluf ta’ immigranti, ħafna minnhom mill-Iraq. Biex tgħin lil-Litwanja tilqa’ għal dan il-piż, Malta fl-aħħar sigħat wasslet għajnuna umanitarja lill-Gvern Litwan.

Il-Litwanja qed tħabbat wiċċha ma’ kriżi tal-immigrazzjoni bla preċedent ikkawżata apposta mill-Belarus. Wara li l-Unjoni Ewropea żiedet il-pressjoni diplomatika fuq ir-reġim tal-Belarus minħabba elezzjonijiet imbagħbsa, il-President Lukashenko irritalja billi fetaħ il-vit tal-immigrazzjoni lejn il-Litwanja.

Il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi hija twila madwar 680 kilometru. Huwa stmat li fi żminijiet normali minn din il-fruntiera jaqsmu madwar mitt immigrant fix-xahar. Fl-aħħar xahrejn qasmu eluf ta’ immigranti… kollha f’direzzjoni waħda.

Il-Litwanja fl-aħħar jiem irċeviet kemm appoġġ morali kif ukoll materjali mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea. U anki Malta qed tgħin, bid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-aħħar sigħat wassal mas-sitt mitt gverta u sitt mitt imħadda biex jintużaw mill-immigranti li nqabdu fuq il-fruntiera jew f’ċentri apposta fejn qed jiġu pproċessati.

Il-materjal twassal wara titjira ta’ tliet sigħat. Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emmanuel Psaila, qal li t-tħejjijiet għal missjoni bħal din jkunu ilhom għaddejjin ġimagħtejn.

“Din l-għotja ġiet tiswina €57,000, illi €25,500 minnhom ituwhomlna lura mill-mekkaniżmu ta’ l-Unjoni Ewropeja. Qegħdin insaħħu t-Taqsima Umanitarja; is-sena l-oħra għamilna investiment ta’ kważi €900,000 f’din it-taqsima biex aħna jkollna stock fil-każ li jiġri xi ħaġa fil-pajjiż,” qal is-Sur Psaila.

Il-ħidma tinħtieġ sinkronizzazzjoni assoluta, kif jispjega Kevin Pace, Uffiċjal fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. “Għada jiġu għalihom, jeħduhom fil-maħżen, biex imbagħad finalment jitqassmu għal dawk in-nies li għandhom bżonnhom, bħal ma qed tara, hawnhekk huwa l-ksieħ, jista’ jagħti l-kas li anke jekk jidħol iktar iż-żmien, anke jkun hawn il-borra u faċilment anke l-affarijiet jista’ jsirilhom il-ħsara.”

Ryan Spagnol, uffiċjal fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, qal lil Television Malta li minkejja li Malta normalment ikollha sfidi kkawżati mill-immigrazzjoni, xorta lesta tagħti sehmha meta stati membri oħra jisfaw taħt pressjoni. “Din il-ħidma saret bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropew biex Malta wkoll, minkejja l-isfidi li nħabbtu wiċċna aħna magħhom, bħala pajjiż fuq l-immigrazzjoni wkoll xorta waħda nagħtu l-kontribut tagħna wkoll biex nassistu l-Litwanja.”

L-uffiċjal responsabbli mill-Gvern Litwan, Antanas Sermontiss, qal lil TVM li bħalissa hemm aktar minn erbat’ elef immigrant jistennew f’ċentri ta’ akkoljenza – nofshom ġejjin mill-Iraq. “Big thanks Malta for supporting us, because it is a very good relationship and to continue our cooperation between member states, so again thanks.”

Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, fl-aħħar jiem qal li mhux aċċettabbli li l-Belarus juża immigranti biex jipprova jagħmel pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea.