Familja
ARA: Qabdet twerżaq meta rċeviet l-aħbar li se ssir omm adottiva

F’Awwissu li għadda, Fabrizio u Feliciann ġabu magħhom mill-Indja lil Aman, li llum għandu sena u erba’ xhur magħluqa.

“Aħna dejjem kienet togħġobna l-idea ta’ adozzjoni. Togħġobna l-idea ta’ familja li tkun multikulturali. Xtaqna nsiru ġenituri u ovvjament hu kellu bżonn familja,” qalet Feliciann.

F’Malta segwew il-kors, saru l-verifiki u ġew approvati mill-awtoritajiet li jistgħu jadottaw. Applikaw biex jadottaw tifel jew tifla fl-età sa sentejn. Dwar il-pajjiż, kienu deċiżi mill-ewwel: l-Indja.

“Rajna li l-proċess tal-Indja kien strutturat tajjeb ħafna. Anke t-timeline mhix daqstant twila. Fil-fatt fil-każ tagħna sena domna,” spjegat Feliciann.

F’dan il-proċess, imxew pass pass fil-gwida tal-Aġenzija Tama li qalu kienet ta’ għajnuna kbira. “Tiġi approvata mill-Indja u tibda l-famuż ‘waiting time’ tistenna t-telefonata fejn jgħidulek għandna tifel imqabbel miegħek, jew tifla.”

“Xi xahrejn wara ċempluli. Qbadt inwerżaq. Kienet emozzjonali ħafna,” qalet Feliciann, waqt li spjegat ukoll kif jibgħatulek ritratt, filmat, rapport mediku, u l-case file tiegħu.

Mistoqsija jekk il-koppja jkollhiex is-serħan il-moħħ li l-kundizzjoni ta’ saħħet it-tfal hi tajba, Feliciann qalet hekk: “Bażikament mingħajr l-approvazzjoni ta’ Mater Dei ma tistax tipproċedi. Se tieħu l-informazzjoni għand it-tabib tiegħek u għand il-head of paediatric ta’ Mater Dei.”

B’dan it-tagħrif f’idejhom, Fabrizio u Felicienne iddeċidew li jmexxu. Fil-bidu ta’ Lulju li għadda telgħu l-Indja. Intalbu li jkunu preżenti għas-seduta tal-Qorti li approvat li jkunu l-ġenituri adottivi ta’ Aman. Fabrizio jirrakkonta li mument emozzjonanti ħafna għalihom kien meta daħlu fl-orfanatrofju jistennew li jaraw lit-tifel li kienu se jadottaw.

“Għamilna l-vjaġġ kollu, qisu xi 15-il siegħa ta’ vjaġġar. Wasalna l-lukanda u tlaqna mill-ewwel bit-taxi. Ambjent ġdid ,u f’daqqa jkun hemm dik il-kalma, u tarah hemmhekk jidħol. Kien mument partikulari, diffiċli biex tinsih, u mbagħad il-mument meta ħadnieh il-lukanda u jkun tiegħek. Wasalna. Issa tiegħek. Responsabbli inti minnu.”

“Kienet qisha ħolma hu,” qalet Feliciann. “Tkun ilek ħafna taħseb fuqha. Takkumula ħafna emozzjonijiet, tkun ilek tipprova timmaġina kif se tkun. Dik l-emozzjoni difficli tispjegaha. Litteralment qisek qed toħlom… sabiħ ħafna.”

Fl-orfanatrofju tal-gvern fejn kien Aman, il-koppja nnutat kemm kien minnu dak li qalulhom koppji oħra li adottaw mill-Indja: li għalkemm it-tfal ma kellhomx l-attenzjoni individwali meħtieġa, kellhom ħafna mħabba mill-carers.

“Dik tagħmel differenza kbira għall-iżvilupp tagħhom. Kif qed tara t-tifel ferħan. Hekk sibnieh aħna. Ma kienx hemm elementi ta’ trawma fl-istitut,” qalet Feliciann.

Lil Fabrizio u Feliciann staqsejthom dwar il-preokkupazzjoni ta’ xi ġenituri jekk it-tfal li jadottaw jidrawx l-ambjent il-ġdid li jkunu se jgħixu fih, u jekk jaċċettawhomx bħala l-ġenituri tagħhom. Weġbuni mill-esperjenza ta’ ħames xhur b’Aman f’ħajjithom.

“Aman qabad tajjeb maghna. L-istess mal-familja tagħna. Maħbub ħafna. Anzi ffissati fuqu. Hu l-istess iħobbhom. Dan hu punt li nixtieq ngħid, forsi jkun hemm min jinkwieta fuq bonding għax it-tifel mhux il-wild naturali tieghek. Forsi jkun hemm dawk it-tip ta’ ħsibijiet. Nista’ ngħid mill-esperjenza tagħna u ta’ oħrajn. Il-kwistjoni tal-bonding qatt ma kienet hemmhekk. Din xi kultant trid iżżomm f’moħħok. It-tfal ikunu jridu ġenituri. U jkunu jafu li għandhom nuqqas ta’ ġenituri. U jindunaw mill-ewwel li hemm żewġ min-nies iħobbuhom. U mal-ewwel, il-bonding, jaqbdu miegħek mill-ewwel.”

Mistoqsija jekk tħossx din l-għaqda anki fl-ewwel jiem, Felieciann qalet hekk: “Forsi l-ewwel ġranet u ġimagħtejn forsi jkunu l-aktar ta’ sfida, għax qiskom żewġ min-nies qed titgħallmu ssiru tafu lil xulxin. Imma tidra u l-bonding jibda jifforma.”

Feliciann tikkonferma li Aman sejjer tajjeb ħafna f’Malta u mal-kumplament tal-familja. “L-ikel Malti jħobbu ħafna. Jieħu pjaċir ħafna mal-kuġini. In-nanniet tiegħu ffissati fuqu. Ma kellniex problema. Qas xejn.”

Ara wkoll:

ARA: Jaqsmu ma’ kulħadd il-vjaġġ li għamilhom ġenituri

Aħbarijiet Oħra
Statistika

Riċerka li saret fost persuni b’diżabilità inkluż tfal bl-awtiżmu u persuni bi sfidi mentali, ħareġ li dawn iħossu li m’għandhomx biżżejjed aċċess għal ċertu servizzi. Ir-riċerka li saret mill-Fondazzjoni Inspire…

Kronaka

Tfajla ta’ 19-il sena mid-Danimarka spiċċat misruqa lbieraħ fil-23:30, fil-Gżira. Is-serqa seħħet fi Triq ir-Rebħa, fil-Gżira meta raġel allegatament heddidha b’oġġett jaqta u bil-ponta waqt li kienet qed tpejjep barra…

Kronaka

Matul il-lejl żewġ karozzi ħadu n-nar f’żewġ lokalitajiet differenti. Għall-ħabta tas-siegħa ta’ dalgħodu, il-pulizija kienet infurmata li fi Triq in-Naħal f’ Ħal Qormi vettura tat-tip Toyota Vitz ħadet in-nar. Dwar…

Aktar