Kronaka
ARA: Qabżet mill-karozza u ġibditilha filmat qabel għerqet fiċ-Ċirkewwa

Mara tista’ tgħoddha b’waħda wara li kienet se tegħreq bil-karozza tagħha fiċ-Ċirkewwa madwar xahar ilu. Hija rnexxielha tiġbed filmat tal-karozza fil-baħar, minuti qabel għerqet.

Il-filmat ġie ppubblikat fuq il-paġna ta’ Facebook tal-għaddas Raniero Borg, li kien strumentali biex il-karozza, flimkien ma’ tnejn oħra li għerqu fl-istess post, jittellgħu mill-baħar iktar kmieni din il-ġimgħa.

Is-Sur Borg qal li s-sewwieq tal-karozza l-ħamra għamlet kuntatt miegħu, fejn spjegatlu kif dakinhar, għall-ħabta tal-11.00 ta’ bil-lejl, riedet taqbad il-vapur t’Għawdex u ħasbet li kien qed jopera mill-moll tan-nofsinhar.

Ġara li meta qabdet ir-rampa tilfet il-kontroll tal-karozza mill-ewwel, u kellha taqbeż minn ġo fiha. F’temp ta’ ftit sekondi l-karozza nbelgħet mill-mewġ.

Kien hawn li l-mara telgħet it-taraġ u ġibdet il-filmat tal-karozza tagħha fil-baħar.

Huma ħafna dawk li qed jappellaw biex tittieħed azzjoni ħalli jkun evitat il-periklu f’din ir-rampa, hekk kif bosta vetturi qed jispiċċaw fil-baħar b’mod regolari.