COVID-19
ARA: Qalbhom sewda imma jafu li għall-ġid – anzjani jgħidu tagħhom

Illum hu l-aħħar jum għal madwar 118-il elf persuna li setgħu joħorġu minn djarhom sakemm mhux għal appuntamenti mediċi.

F’dawra ma’ Malta, innutajna ħafna anzjani jagħmlu xirjiet kbar biex jassiguraw li jkollhom ħażna tajba. Kważi kollha fehmu li s-sagrifiċċji li se jkollhom jagħmlu fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin huma għall-ġid tagħhom stess.

Anzjani f’lokalitajiet differenti esprimew ma’ TVM sens ta’ ansjetà, iżda fl-istess waqt ħafna apprezzament għas-solidarjetà li qegħdin jesperjenzaw.

Is-sitwazzjoni ta’ inċertezza u ansjetà qed tqanqal ħafna emozzjonijiet fost kulħadd, speċjalment l-anzjani li l-esperti tas-saħħa qalu li huma f’riskju akbar biex jiehdu l-coronavirus.

Waqt li wħud stqarrew li fl-aħħar jiem baqgħu joħorġu xi ftit, kważi kollha għarfu li l-miżuri ristrettivi fuq il-ħruġ huma għall-ġid tagħhom stess.

U lejlet li tidħol fis-seħħ l-ordni li l-anzjani ta’ aktar minn 65 sena u persuni oħra vulnerabbli jibqgħu ġewwa, fis-supermarkets inġabru kjuwijiet ta’ nies, ħafna minnhom anzjani, jistennew biex jixtru affarijiet essenzjali.

Uħud mill-anzjani qalu li mhux se joqghodu b’idejhom fuq zaqqhom sakemm ikollhom joqgħodu ġewwa.

Il-Pjazza ta’ quddiem il-parroċċa ta’ San Pawl fir-Rabat, battala min-nies. Ħemda ukoll fejn ħanut tat-te, li normalment ikollu klijenti fosthom anzjani li jmorru jgħaddu siegħa flimkien. Sibna biss anzjan fil-karozza ipparkjata, ilaqqat l-aħħar ftit mir-rutina tas-soltu.

Fi Triq il-Kbira, serbut ta’ nies quddiem żewġ spiżeriji waqt li lkoll żammew id-distanza minn xulxin.

Pawlu Buhagiar kuljum mal-erba ta’ filgħodu jisbaħ fil-pjazza ta’ Ħaż Żebbug. Is-sitwazzjoni issa inbidlet.

Is-soltu il-pjazza ta’ Ħaż-żebbug tkun miżgħuda b’diversi anzjani li jiġu jqattgħu in-nofstanhar ta’ filgħodu. Illum iżda kemm minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp kif ukoll minħabba il-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa, tinsab battala għajr għal nies li ġew jagħmlu l-aħħar qadi tagħhom qabel għada jkollhom joqghodu ġewwa.

Is-sitwazzjoni f’Raħal Ġdid kiene pjuttost differenti, hawnhekk minkejja l-kundizzjonijiet tat-temp, xorta għadna qed naraw nies barra bank ewlieni fi kju b’inqas minn żewġ metri distanza minn xulxin u nnutajna wkoll bosta anzjani li kienu qed jgħidu kelma ma’ xulxin u anke jippasiġġaw.

Kemm f’Raħal Ġdid kif ukoll f’Ħaż-Żebbuġ, ilmaħna Pulizija jagħtu struzzjonijiet lill-persuni miġbura barra l-banek biex iżommu d-distanza.

Il-frustrazzjoni u l-ansjetà li ħolqot din is-sitwazzjoni waslet lil ħafna nies ifittux kif jaljenaw ruħhom.

Filwaqt li l-ħwienet mhux essenzjali qed isegwu l-istruzzjonijiet u jżommu l-bibien magħluqin, osservajna messaġġi ta’ kuraġġ u apprezzament lejn il-ħaddiema tas-saħħa.

Bormla qatt ma rajniha daqshekk kwieta. Għajr ftit ħaddiema li baqgħu għaddejjin bix-xogħol li jżommu spazji pubbliċi fl-aħjar kundizzjoni, fit-toroq u l-wesgħat ma tantx ilmaħna nies.

Fl-Isla l-istess sitwazzjoni. Mill-gallarija tagħha fl-ewwel sular, Carmen qaltilna li minn dan l-imrar kollu, mimlija kuraġġ minħabba s-sens kbir ta’ għaqda u solidarjetà fost il-Maltin.

Isma’ fis-servizz l-anzjani x’kellhom xi jgħidu dwar din is-sitwazzjoni:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Gvern Malti se jkompli jikkopera mal-kumplament tal-istati membri biex jkun hemm kordinament fir-rilaxx tal-miżuri, speċjalment dawk li għandhom x’ jaqsmu mal-fruntiera. F’laqgħa tal-Ministri responsabbli mill-Affarijiet Ewropej tal-istati membri fil-Mediterran, is-Segretarju…

COVID-19

Il-manifattur Ingliż tal-mediċini AstraZeneca rdoppja l-kapaċitajiet ta’ manifattura għal vaċċin potenzjali għal 2 biljun doża bid-distribuzzjoni mistennija li tibda fil-ħarifa. Bħalissa qed isiru l-provi kliniċi iżda s-sid tal-kumpanija Pascal Soriot…

Solidarjetà

Żewġ żgħażagħ li għandhom passjoni għal sport differenti – wieħed għar-rugby u l-ieħor għall-għawm – se jippruvaw jaqdfu 100km bejniethom biex jiġbru fondi għall-fondazzjoni li toffri l-ikel lil dawk fil-bżonn….

Aktar