Lokali
ARA: Qatt inżilt fil-passaġġ ta’ taħt il-breakwater tal-Port il-Kbir?

‘Il bogħod mill-għajn, taħt il-breakwater hemm passaġġ li ftit jafu bih. Fl-aħħar mitt sena serva ta’ kenn mill-maltemp għal ħaddiema li riedu jixgħelu l-lanterni, waqt li fiż-żewġ gwerer parti minn taħt il-breakwater kienet armata għal kontra l-għadu.

Kien mal-150 sena ilu li l-Ingliżi u l-Maltin bdew jinnutaw li n-nuqqas ta’ breakwater fil-Port il-Kbir kien qed jillimita bil-kbir l-użu u l-potenzjal tal-port naturali u l-faċilitajiet li seta’ joffri. Inbena f’sitt snin fil-bidu tas-seklu għoxrin bis-sehem ta’ madwar 500 ħaddiem.

Il-President tal-Fondazzjoni Wirt Artna, Mario Farrugia, spjega li dan ma kienx maħsub biss biex iħares il-port u l-bastimenti ankrati fih mill-maltemp iżda anke mit-torpedo boats jew dgħajjes bl-isplussivi li fost l-oħrajn użaw it-Taljani fl-1941, fl-uniku attakk navali tul it-tieni gwerra dinjija u li fih il-Maltin ħarġu t’eroj.

“Dawn kienu żgħar u diffiċli ħafna biex tolqothom imma nzerta li Malta fl-1939 kienet għadha kif irċeviet il-kanun twin six pounder illi dan kien iddisinjat bejn iż-żewġ gwerer għal kontra t-torpedo boats u kien jispara b’rata tremenda u l-Maltin eċċellaw fuqu tant li l-Maltin kisru r-rekords kollha tat-tħaddim ta’ dawn il-kanuni fl-istorja kollha sakemm damu jeżistu sal-1956.”

Il-breakwater tal-Port il-Kbir huwa magħmul minn żewġ strutturi separati, l-itwal parti fuq in-naħa tal-Belt li jinkludi passaġġ li jibda minn taħt il-lanterna.

Kif bdejna mexjin fil-passaġġ dejjaq u mingħajr ventilazzjoni spiċċajna f’kamra li fiż-żewġ gwerer kienet armata għal kontra l-għadu.

Wara ftit metri sibna kamra oħra simili għall-ewwel waħda li fit-tieni gwerra dinjija kienet tintuża biex minnha jintefgħu bombi biex ifixklu lis-sottomarini fiż-żona.

Is-Sur Farrugia spjega li l-passaġġ kien importanti biex wieħed jimxi min-naħa għall-oħra anke f’maltemp qawwi. “Dik kienet ir-raġuni ewlenija ħalli min ikun qed jaħdem fuq il-breakwater ikun jista’ jimxi b’sigurtà anke waqt il-maltemp għax eżempju l-lanterni kien jiġrilhom ħsara u kien importanti li jibqgħu jaħdmu kontinwament.”

Infrastracture Malta għaddejja bi proġett ta’ madwar miljun ewro biex tirranġa u tirrestawra ż-żewġ naħat tal-breakwater.